Il-Gvern u l-Oppożizzjoni qrib ftehim dwar l-emendi kostituzzjonali

Riħ ta’ siegħa jaqla’ qiegħa iżda l-Gvern u l-Oppożizzjoni kellhom bżonn biss nofs siegħa bejn s-6.30pm u s-7pm meta s-seduta tal-parlament kienet sospiża biex jintlaħaq ftehim tal-aħħar minuta dwar l-emendi fil-Kostituzzjoni għat-tbidil propost mill-Kummissjoni Venezja.

Dan seħħ minkejja t-trikki trakki bejn il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis u d-deputat Nazzjonalista Chris Said fil-bidu tas-seduta maratona tat-Tlieta (li ħadet madwar ħames sigħat u nofs) ma kienx qed tawgura tajjeb.

Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield qal li kien intlaħaq qbil mal-Oppożizzjoni li fis-seduta tat-Tlieta, l-parlament jivvota fuq numru ta’ liġijiet li kellhom bżonn maġġoranza sempliċi waqt li l-vot dwar l-emendi kostituzzjonali jittieħed l-Erbgħa filgħaxija. Minkejja li ssejjħet division fuq kull liġi wara emendi li saru fit-tielet qari, l-Oppożizzjoni vvutat mal-Gvern kontra kull mistenni.

Fi tmiem is-seduta, id-deputat Chris Said ħabbar fil-parlament li diskussjonijiet informali bejn iż-żewġ naħat wasslu biex jintlaħaq kompromess u r-riformi proposti mill-Gvern jsiru liġi. Said naqas milli jagħti dettalji dwar il-qbil waqt li n-nuqqas ta’ qbil irreġistrat kien idur madwar il-famuża fallback position, jew aħjar proċeduri ta’ riżerva jekk ma jintlaħaqx qbil dwar il-ħatriet bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.