Il-Gvern u l-Oppożizzjoni ma jaqblux dwar ir-roħs fil-petrol u d-diesel

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu jieqaf iġib l-iskużi u jraħħas il-petrol u d-diesel minnufih.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliema għall-Ambjent u l-Enerġija Marthese Portelli qalet li fl-Ewropa hemm sitt pajjiżi fejn il-petrol u d-diesel qed jinbiegħu ewro jew inqas kull litru jiġifieri 35% u 42% rispettivament irħas minn Malta.
Marthese Portelli qalet li mingħajr taxxa, Malta għandha l-ogħla prezzijiet ta' petrol u diesel fl-Ewropa.
Qalet li dawn il-prezzijiet għolja qed iħallu impatt iebes fuq il-familji u s-sidien tal-ħwienet u n-negozji, bil-konsegwenza li xahar wara l-ieħor, Malta qed tirreġistra tnaqqis fil-bejgħ mill-ħwienet.
Intqal li l-Gvern għandu jressaq il-mozzjoni tal-oppożizzjoni fil-Parlament biex issir dibattitu dwar dan filwaqt li jippubblika l-kuntratti kollha marbuta max-xiri taż-żejt.
Intant fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-figuri tal-Kummissjoni Ewropea jgiddbu l-Oppożizzjoni hekk kif din il-ġimgħa kien hemm tmien pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li żiedu l-prezz tal-petrol filwaqt li seba’ pajjiżi żiedu l-prezz tad-diesel.
Il-Partit Laburista qal li mhemm l-ebda pajjiż fl-Unjoni Ewropea li fih il-konsumaturi qed iħallsu l-prezzijiet li l-Partit Nazzjonalista qed jissuġġerixxi, jiġifieri 97ċ għall-petrol u 94ċ għad-diesel.
Intqal li mit-28 pajjiż fl-Unjoni Ewropea, il-Bulgarija biss għandha l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel taħt l-ewro.
Il-Partit Laburista fakkar li f’inqas minn sentejn tal-leġislatura preżenti, il-Gvern raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji u naqqas il-prezz tal-petrol u d-diesel b’sitt u erba’ darbiet rispettivament.