Il-Gvern u l-Oppożizzjoni jaqblu fuq in-nomina tal-Imħallef Mark Chetcuti bħala Prim Imħallef

Aġġornat 02:54 PM

Read in English.

Sorsi ta’ min jorbot fuqhom ikkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li l-Gvern u l-Oppożizzjoni qablu fuq in-nomina tal-Imħallef Mark Chetcuti bħala Prim Imħallef. Din l-aħbar ġiet ikkonfermata uffiċjalment mill-Gvern fi stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni wara li l-kabinett tal-Ministri approva din id-deċiżjoni.

L-Imħallef Chetcuti se jkun qed jissostiwixxi lill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, li mistenni jirtira bl-età fit-8 ta’ April. 

Fi stqarrija, il-Gvern qal li dan il-parir mistenni jingħata wara li l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni mmexxu mozzjoni konġunta fil-Kamra tad-Deputati llejla stess.

Min hu Dr Mark Chetcuti?

L-Imħallef Mark Chetcuti twieled fl-4 ta’ Frar tal-1958 u għandu 62 sena. 

Huwa gradwa bħala avukat mill-Università ta’ Malta f’Jannar tal-1982. Huwa ppratika bħala avukat għal 28 sena sħaħ fejn speċjalizza fil-liġi tal-Familja u dik Ċivili. Dr Chetcuti nħatar imħallef fl-2010.

X’qalet l-NGO Repubblika?

L-NGO Repubblika, laqgħet din l-aħbar b’sodisfazzjon u fakkret li l-Imħallef Mark Chetcuti kien l-imħallef li sema’ l-kawża ta’ Repubblika dwar l-indipendenza tal-ġudikatura, fejn l-NGO argumentat li l-ġudikanti m’għandhomx jinħatru skont kif jaqbel lill-prim ministru. Fakkret ukoll kif f’din il-kawża Repubblika wriet kif bejn l-2013 u l-2019 il-gvern ħatar persuni fil-ġudikatura li fil-parti l-kbira minnhom kienu veterani tal-partit laburista u qrib ħafna tal-gvern tal-ġurnata. Insistiet li dan kien ta’ theddida għall-indipendenza tal-ġudikatura.

“L-Imħallef Mark Chetcuti rrefera t-talba ta’ Repubblika lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fejn qed nistennew deċiżjoni. Jidher li l-gvern innota l-isforzi ta’ Repubblika għal ġudikatura ħielsa u aċċetta l-parir tal-Kumitat dwar l-Għażla tal-Ġudikatura li l-Imħallef Mark Chetcuti jinħatar prim imħallef. F’dan il-każ il-prim ministru m’imponiex kif għamel kemm-il darba l-prim ministru ta’ qablu, ir-rieda tiegħu fuq il-ġudikatura. L-għażla tal-prim imħallef saret ukoll b’kunsens bejn gvern u oppożizzjoni li Repubblika tqis bħala pass pożittiv”, tkompli tgħid l-istqarrija tal-NGO.