Il-Gvern u l-MUT se jiffirmaw l-ftehim dwar il-proġett pilota tat-tablets

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li fil-ġranet li ġejjin se jiġi ffirmat il-memorandum of understanding bejn il-Gvern u l-MUT dwar il-proġett pilota tat-tablets.
It-test tal-ftehim ġie approvat mill-Kunsill tal-unjin tal-għalliema u se jiġi ppreżentat lill-Gvern.
Dan il-memorandum of understanding jagħti deskrizzjonijiet tar-responsabbiltajiet fit-tħaddim tat-tablets kemm min-naħa tal-edukaturi, kif ukoll min-naħa tal-istudenti.
Kienu 44 l-għalliema li vvolontarjaw għall-proġett pilota tat-tablets fl-iskejjel u minn April li għadda bdew jingħataw it-taħriġ fuqhom u se jdum sal-aħħar ta’ Settembru li ġej.
Dwar dan it-taħriġ fil-proġett pilota, il-Gvern u l-MUT qed ikollhom laqgħat spissi.
Matul il-proġett pilota qed jintużaw tablets differenti biex jiġu ndividwati l-aħjar sistema u l-aħjar applikazzjonijiet li jistgħu jintużaw fis-sistema edukattiva Maltija.
F’Ottubru li ġej, l-istudenti fil-klassijiet tal-għalliema volontarji se jingħataw tablet ukoll filwaqt li t-tender se jiġi ppubblikat matul is-sajf tal-2015.
Dan sabiex l-implimentazzjoni tal-iskema tat-tablets fir-raba’ klassi tal-iskejjel primarji jibda mis-sena skolastika 2015/2016.
Matul il-proġett pilota se tiġi mistħarrġa l-possibilità li numru ta’ kotba jinqalbu f’verżjoni elettronika, biex it-tfal ikollhom inqas kotba xi jġorru fil-basket tal-iskola.
Kien il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo li għadda d-dettalji kollha fuq il-mod kif qed jaħdem il-proġett pilota meta nieda l-iskema f’Marzu li għadda.
Kif jispiċċa l-proġett pilota tat-tablets, il-Gvern u l-MUT se jiffirmaw memorandum of understanding ieħor fuq il-mod kif it-tablets se jaħdmu flimkien mas-sistema edukattiva.
Finalment, it-tender għat-tablets fl-iskejjel se jkun qed jinkludi l-konklużjonijiet li joħorġu mill-proġett pilota, bħall-programmi u s-sistema li l-aħjar li jaħdmu mas-sistema edukattiva preżenti.