Il-Gvern u l-MUMN jaqblu dwar “laqgħa pożittiva” ma’ Steward Healthcare

L-Unjin Maltija tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qalet li kellha laqgħa deskritta bħala “pożittiva” mal-Gvern dwar festi pubbliċi li jaqgħu fi Ħdud, u l-kwistjoni tal-ikel lil ħaddiema part-timers.
Is-suġġetti tqajmu l-ġimgħa l-oħra mill-MUMN, u jidher li llum kellhom laqgħa mal-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, u s-Segretarju Permanenti.
Il-Gvern ukoll ħareġ stqarrija jgħid dwar il-pożittività tal-laqgħa.
L-MUMN iċċarat il-pożizzjoni tagħha lill-Ministru, skont il-punti li ġejjin;

  • Jinsabu qrib ftehim dwar l-ikel allokat lill-part-timers, speċjalment dawk li jaħdmu aktar minn 8 sigħat kuljum, u se tinnegozjalhom brejk. Dawn ikunu intitulati għall-ikel.
  • Dwar is-sigħat żejda tal-festi pubbliċi li jaqgħu fil-Ħdud, daqt jintlaħaq ftehim, li l-ewwel iżda jrid jikkonfermah l-Uffiċju tal-Prim Ministru minħabba li l-ħaddiema affettwati huma dawk tas-settur pubbliku.

L-Unjin temmet tgħid li se jkollha laqgħa oħra sabiex il-ftehimiet jiġu ffinalizzati.
Min-naħa tiegħu l-Gvern qal li waqt il-laqgħa l-MUMN iltaqgħet ukoll mat-tmexxija ta’ Steward Healthcare Malta, u  ġew diskussi diversi punti fosthom li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jibqgħu l-istess, li l-ħaddiema jibqgħu impjegati mal-Gvern u li s-servizz fl-Isptar San Luqa, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fl-Isptar Karen Grech jibqa’ b’xejn għall-Maltin u għall-Għawdxin kollha.