Il-Gvern u l-MDA ma jaqblux jekk xi barrieri għadhomx jintużaw

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) qalet li l-barrieri li saret referenza għalihom bħala spazju ta’ rimi ta’ skart ta’ kostruzzjoni għadhom jintużaw għall-ġebel.

L-MDA qalet dan b’reazzjoni għad-diskors tal-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera li l-Gvern lest li juża’ l-liġi biex jikkonfiska barrieri vojta biex jintrema dan l-iskart fihom.

L-MDA spjegat li l-kuntratturi qed jikkoperaw mal-Awtoritajiet u dan wassal biex il-problema tittaffa iżda sejħet għal aktar diskussjonijiet biex il-problema tissolva fuq perjodu ta’ żmien fit-tul.

Il-Gvern bla pjan fit-tul għar-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni – PN

F’reazzjoni l-Partit Nazzjonalista qal li n-nies se jispiċċaw ibagħtu minħabba l-fatt li l-Gvern ma għandux pjan fit-tul għar-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni.

Il-kelliem tal-PN għall-Ambjent Jason Azzopardi qal li Gvernijiet Nazzjonalisti għamlu proġetti ta’ twinning mal-Gvern Ġermaniż biex skart bħat-terrapien jerġa’ jinbiegħ jew jiġi riċiklat.