Il-Gvern u l-Knisja se jirrestawraw Katidral antik fil-Pakistan

Il-Katidral ta' San Patrizju fil-Pakistan fejn għaddej proġett ta' restawr li se jdum tliet snin

Il-Katidral ta’ San Patrizju fil-Pakistan kien l-ewwel knisja li nbniet f’Karachi.  Il-bini li għandu aktar minn 175 sena bħalissa qed isirlu proġett ta’ restawr ta’ tliet snin.

“Din is-sena qed niċċelebraw il-Ġublew tal-Platinu tal-Katidral. Il-knisja hi magħrufa ħafna għall-Arkitettura Gotika-Rinaxximental tagħha u tesa’ 1,500 persuna”, qal Fr. Mario Rodrigues, Rettur tal-Katidral.  Dan l-aħħar hu kellu laqgħa ma’ Sayed Murad Ali Shah, Prim Ministru tal-Provinċja ta’ Sindh li offra li jgħin finanzjarjament ir-restawr tal-Katidral minn ġewwa.

Ir-Rettur żied jgħid li “Ix-xogħol arkitettoniku storiku u antik tal-knisja, partikolarment ix-xogħol fil-ġebla, it-twieqi bil-ħġieġ kulurit u t-twieqi u l-bibien tal-injam għandhom kważi 146 sena”.

Wirt kulturali

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES, fit-twieqi tal-Katidral hemm impinġija diversi xeni mill-Bibbja, fosthom is-sagrifiċċju ta’ Iżakk, it-Tħabbira lill-Madonna, it-Twelid ta’ Ġesù, il-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju, il-Ħarba lejn l-Eġittu u l-Passjoni ta’ Kristu.

“Dan il-Katidral hu wirt kulturali li ma jistax jiġġarraf ujerġa’ jinbena; irridu nippreservaw u nipproteġu l-istorja tagħna.  Għalhekk il-proġett jinħtieġ finanzjament qawwi”, qal Fr. Rodrigues.

Il-Prim Ministru tal-provinċja, li studja fl-Iskola Għolja ta’ San Patrizju, faħħar il-ħidma tal-Knisja Kattolika partikolarment billi tipprovdi servizzi ta’ saħħa u edukazzjoni lill-popolazzjoni.

Il-Kumitat li jorganizza attivitajiet għall-ġbir ta’ fondi għal dan il-proġett, qed jorganizza diversi attivitajiet fosthom Festival ta’ Ikel u Mużika u diversi attivitajiet oħra.