Il-Gvern Tork ikompli “jiknes” uffiċjali pubbliċi u jimblokka l-Wikipedia

Il-Gvern Tork keċċa aktar minn 4,000 uffiċjal pubbliku f’dik li tidher bħala l-aħħar 'kinsa' wara l-kolp ta’ stat li falla f’Lulju tas-sena li għaddiet.
Il-persuni li tkeċċew jinkludu aktar minn 1,000 impjegat tal-Ministeru għall-Ġustizzja, 1,000 persuna oħra impjegati mal-armata u madwar 100 pilota tal-forza tal-ajru fost oħrajn.
Intant ilbieraħ ukoll it-Turkija mblokkat l-enċiklopedija onlajn Wikipedia.
L-aħħar żviluppi ġew wara li aktar kmieni din il-ġimgħa tkeċċew aktar minn 9,000 uffiċjal tal-pulizija u 1,000 oħra ġew arrestati fuq akkużi li għandhom rabta mal-kjeriku fl-Istati Uniti Fethullah Gulen li qed ikun meqjus mill-Gvern Tork bħala l-moħħ wara l-attentat kolp ta’ stat.
Il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, kemm-il darba akkuża lil Gulen li instiga l-attentat ta’ kolp ta’ stat, minkejja li hu qed jiċħad dawn l-akkużi.
Fil-gazzetta tiegħu, il-Gvern qal li dawk li tkeċċew huma ssuspettati li għandhom rabtiet ma’ “organizzazzjonijiet terroristi u strutturi li huma ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali.”
Fil-ġimgħat li għaddew, Erdogan rebaħ bi ftit referendum konstituzzjonali li tah aktar poteri.
L-Oppożizzjoni u esperti qed jaraw dan il-vot bħala pass ieħor biex Erdogan jieħu t-tmexxija tat-Turkija kollha f’idejh.