Il-Gvern tan-Nikaragwa jitlob kardinal jidħol medjatur fi kwestjoni mal-poplu

Il-Kardinal Leopoldo Josè Brenes Solorzano tan-Nikaragwa għamel sejħa biex tirritorna l-kalma fil-pajjiż wara dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern li saru l-l-ġimgħa li għaddiet u li fihom saħansitra mietu n-nies.
Il-protesti saru kontra pjan biex tkun irriformata s-sistema tal-pensjonijiet fil-pajjiż biex filwaqt li jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet, il-benefiċċji jonqsu b’5%.
Din il-proposta qanqlet protesti kbar li spiċċaw f’mewġa ta’ vjolenza, tkissir, postijiet mogħtija n-nar u ripressjoni mill-Pulizija.
Din il-vjolenza li bdiet f’nofs ix-xahar li għadda, sal-lum wasslet biex 34 persuna tilfu ħajjithom fl-irvellijiet li kien hemm.
Għalkemm il-Gvern issa jidher li abbanduna dan il-pjan kontroversjali, id-dimostranti baqgħu jipprotestaw kontra l-kundizzjonijiet tal-ħajja fil-pajjiż u dak li qed isejħu bħala “il-konfiska tal-poter” mill-President Daniel Ortega li mexxa lill-pajjiż bejn l-1979 u l-1990 u issa reġa’ ilu fil-poter mill-2007 'l hawn.
Meta raw il-kobor ta’ dawn il-protesti l-awtoritajiet tal-pajjiż talbu lill-Kardinal Solorzano biex jagħmilha bħala medjatur biex jibda djalogu nazzjonali ġdid. 
Il-Kardinal aċċetta dan bil-kundizzjoni li l-Gvern jeħles lid-dimostranti arrestati u jwaqqaf l-atti kollha ta’ vjolenza min-naħa tal-forzi tiegħu.
Bħalissa qed jitfassal pjan għall-imsemmi djaolgu. Sa mill-bidu tal-kunflitt il-Knisja kellha sehem importanti u kkundannat bil-qawwa l-vjolenza tal-Gvern biex iwaqqaf il-protesti.
“Nistiednu lill-awturi tar-riforma biex jikkunsidraw il-possibiltà ta’ djaolgou biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt li jista’ jkompli jiħrax jekk ma jsirux deċiżjonijiet flimkien u b’ġustizzja” insistitiet il-Konferenza Episkopali tan-Nicaragua.
L-isqfijiet ċaħdu kull att vjolenti li jwassal għal konfront bejn l-aħwa tal-istess nazzjon u ħeġġew lill-poplu biex jeżerċita d-dritt tiegħu li jipprotesta b’mod paċifiku a bażi tal-valuri ċiviċi u evanġeliċi.
Il-Papa Franġisku qal li “jien imħasseb b’dak li qed iseħħ fin-Nikaragwa bħalissa. Ningħaqad mal-Isqfijiet biex insejħu għall-waqfien mill-vjolenza, biex ma jinxteridx aktar demm bla bżonn u biex tinstab soluzzjoni paċifika għas-sitwazzjon fil-pajjiż”.
Il-President Ortega li flimkien ma’ martu  huma fil-mira tad-dimostranti, irrigrazzjaw lill-Kardina li aċċetta li jidħol bħala medjatur.