Il-Gvern Taljan se jiftaħ it-turiżmu minn u lejn il-pajjiż mit-3 ta’ Ġunju

Il-Gvern Taljan approva digriet li jippermetti vjaġġar minn u lejn l-Italja mit-3 ta’ Ġunju. Dan huwa wieħed mill-passi li qed jieħu l-pajjiż biex jibda joħroġ mil-lockdown riġidu li kien fih fl-aħħar ġimgħat.

Il-gvern se jkun qed jippermetti wkoll vjaġġar ħieles fil-pajjiż mill-istess jum. Il-Prim Ministru Giuseppe Conte qal li hemm bżonn ikun hemm ritorn gradwali għan-normal biex jipprevjenu li jkun hemm it-tieni firxa ta’ infezzjonijiet.

Aktar minn 31,600 ċittadin Taljan mietu kawża tal-coronavirus minn meta feġġ fil-pajjiż fil-21 ta’ Frar. Din hija t-tielet l-ogħla rata ta’ mwiet madwar id-dinja wara dik tal-Istati Uniti u r-Renju Unit.

L-Italja kien l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li impona restrizzjonijiet nazzjonali f’Marzu u beda jillaxka ftit mill-miżuri fl-4 ta’ Mejju meta ppermetti li jerġgħu jiftħu l-fabbriki u l-parks.

Il-ħwienet mistennija jerġgħu jiftħu minn nhar it-Tnejn 18 ta’ Mejju. Il-Gvern iddeċieda li l-moviment bejn ir-reġjuni se jkun permess ukoll mill-istess jum. Dan ifisser li l-pubbliku se jkollu l-permess iżur lil sħabu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn