Il-Gvern Taljan jikkunsidra pieni ta’ ħabs għal min jikser il-kwarantina

L-Italja ħabbret pieni aktar stretti biex tikkontrolla aħjar il-firxa tal-pandemija tal-CoVid-19 fil-pajjiż, bl-inklużjoni ta’ possibbiltà ta’ sentenza ta’ ħabs għal min jinqabad jikser il-kwarantina meta għandu l-virus.

L-ordnijiet il-ġodda, li ġew ippubblikati tard il-ġimgħa filgħaxija, jinkludu:

  • Persuni li ttestjaw pożittiv għall-virus u ma joqgħodux fi djarhom jistgħu jiffaċċjaw sentenza ta’ bejn sena u ħames snin il-ħabs;
  • Multi għal min jikser il-kwarantina li ġew miżjuda minn 400 euro għal 3,000 euro;
  • Negozji li jiksru r-regoli tal-lockdown maħsub biex inaqqas il-firxa tal-virus jistgħu jinżammu magħluqa għal perjodu bejn ħamest ijiem u tletin ġurnata.

Dawn ir-regolamenti se jkunu riveduti kull xahar sal-31 ta’ Lulju, u jistgħu jsiru aktar stretti, jgħid id-digriet tal-gvern. Dan id-digriet ma jestendix l-iskadenza tar-restrizzjonijiet fis-seħħ bħalissa, li se jiskadu fit-3 ta’ April.

L-Italja, l-epiċentru l-ġdid tal-virus, rreġistrat madwar 70,000 każ ta’ pazjenti infettati, u madwar 7,000 minn dawn mietu minħabba din il-marda, skont rendikont magħmul mill-Univeristà Johns Hopkins.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn