Il-Gvern tal-Eritrea jinnazzjonalizza l-faċilitajiet mediċi tal-Knisja

Waħda mill-kliniċi tal-Knisja issiġġillata minn uffiċjali tal-gvern

Il-Knisja Kattolika fl-Eritrea qalet li kull pass li ma jħallihiex twettaq l-obbligi tagħha li ġejjin “mill-kmandament suprem tal-imħabba bħall-aħwa, hu bi ksur tad-dritt fundamentali tal-libertà reliġjuża”.

Il-Knisja qalet li hi diżappuntata li l-Gvern innazzjonalizza 29 faċilità tas-saħħa madwar il-pajjiż li kienet tmexxi hi. L-awtoritajiet ekklesjastiċi qalu li huma assolutament joppona dan il-pass unilaterali min-naħa tal-Gvern.

Ebda djalogu

Stqarrija tal-Isqfijiet tal-pajjiż, rappurtata minn Vatican News tgħid li għalkemm l-Isqfijiet Kattoliċi opponew din il-miżura, għad ma kellhom ebda reazzjoni mill-Istat. Minflok, informazzjoni li ngħatat lill-media kienet kompletament żbaljata u qarrieqa u ħawdet lin-nies.  Għalhekk il-Knisja ħasset li kellha titkellem biex tikkjarifika dak li seħħ.

L-Isqfijiet qalu li d-Direttur tar-Relazzjonijiet Pubbliċi tad-Dipartiment tas-Saħħa, kuntrarjament għall-fatti kif seħħew, qal li n-nazzjonalizzazzjoni ta’ dawn il-faċilitajiet “ kienet azzjoni purament amministrattiva u mhux kwistjoni ta’ għeluq jew nazzjonaliazzjoni taċ-ċentri u anqas hu veru li l-impjegati kienu intimidati”.

Iżda l-Isqfijiet staqsew x’tissejjaħ meta xi ħadd: jiddeċiedi waħdu dwar strutturi u ħaddiema tal-Knisja bla ebda ftehim magħha, bla ebda avviż, mingħajr lanqas djalogu mal-awtoritajiet superjuri li huma s-sidien ta’ dawn l-istrutturi?

Intimidazzjoni

Il-Knisja sostniet li ma jagħmilx sens li tiddikjara li din mhux kwistjoni ta’ nazzjonalizzazzjoni. “Filwaqt li f’xi postijiet intużat il-forza, f’postijiet oħra l-ħaddiema kienu ordnati jwarrbu min-nofs, il-bini kien imsakkar u l-ħaddiema ma tħallewx jaraw il-pazjenti u jaqduhom.  Intuża kliem ta’ theddid u bbuljar f’diversi ċentri tas-saħħa. Ta’ dan hemm xhieda nies li bla ma riedu sabu ruħhom involuti f’dawn l-atti deplorevoli”.

Meta l-ħaddiema li kienu xogħol fil-kliniċi tal-Knisja kienu mġiegħla jiffirmaw dokumenti dwar it-trasferiment tal-proprjetà, dawn b’mod leġittima qalu li ma kenitx kompetenza tagħhom li jiffirmaw għax huma kienu biss impjegati u li l-firem kellhom jintalbu lill-awtoritajiet tal-Knisja. Iżda r-reazzjoni għal dan kienet waħda intimidatorja, qalet l-istqarrija tal-Knisja.

Ksur ta’ dritt fundamentali

Il-Knisja fl-Eritrea ssostni li din l-azzjoni arbitrarja tal-Gvern hi bi ksur tad-dritt fundamentali tal-Libertà Reliġjuża.

“Meta jqumu kwestjonijiet bħal dawn, ir-risposta tal-Gvern tkun dejjem l-istess: ‘Ma missejniex ir-reliġjon; il-liberta’ reliġjuża hi protetta mill-Kostitutzzjoni, l-Eritrea hi Stat sekulari; l-Istat u l-politika u l-politika u r-reliġjon huma realtajiet differenti’.

“Iżda aħna nemmnu bii-sħiħ li r-rekwiżizzjoni tal-kliniċi tagħna, tikser dritt reliġjuż tagħna. Kull miżura li tfixkilna u ma tħalliniex – skont il-liġi u bla ma nagħmlu ħsara lil ħadd – naqdu l-obbligi li  għandna skont il-kmandament tal-imħabba, hi ksur tal-libertà reliġjuża tagħna”, ittemm tgħid l-istqarrija tal-Knisja.