Il-Gvern ta’ Tripli jirtira mit-taħditiet ta’ paċi f’Ġinevra

A smoke rises from a port of Tripoli after being attacked in Tripoli, Libya February 18, 2020. REUTERS/Ahmed Elumami

Read in English.

Il-Gvern ta’ għaqda nazzjonali Libjan bażat fil-kapitali Tripli rtira minn taħditiet għal waqfien mill-ġlied li qed isiru f’Ġinevra fl-Isvizzera.

Dan sar b’reazzjoni għal attakk li sar fuq il-port ta’ Tripli. Attakk mill-forzi taħt il-kmand tal-Ġeneral Khalifa Haftar li ilhom kważi sena jmexxu offensiva biex jieħdu l-kontroll ta’ Tripli.

Suppost diġa kien qed jiġi osservat waqfien mill-ġlied bejn iż-żewġ li kien negozjat bejn it-Turkija u r-Russja f’Jannar imma dan ftit li xejn ġie osservat.

Il-Gvern ta’ Tripli qal ukoll li kien se jwieġeb b’mod determinat għall-attakk li sar fuq il-port ta’ Tripli.

Rapporti minn Tripli qalu li l-attakk, b’missili, seta’ kellu konsegwenzi ferm agħar peress li xi missili niżlu qrib ħafna tanker tal-LPG li kien  qed ibattal it-tgħabija tiegħu fil-port.

Ghassan Salame, ir-raprezentant tan-Nazzjonijiet Uniti, għal-Libja, kellu kliem iebes ta’ kundanna għal dan l-attakk li reġa ħarbat l-isforzi kollha għall-paċi fil-Libja.