
Il-Gvern ta’ Ġibiltà ddeċieda li jwaqqaf ħesrem ir-reġistrazzjoni tal-Aquarius mal-pajjiż b’notifika li ntbagħtet fis-6 ta’ Awwissu minħabba li kienet reġistrata bħala bastiment li jintuża għas-sorveljanza u mhux għall-ħidmiet tas-salvataġġ tal-immigranti.
Skont Sky News, ir-reġistrazzjoni se titwaqqaf uffiċjalment fl-20 ta’ Awwissu. Malli dan isir, ir-reġistrazzjoni se taqa’ f’idejn il-Ġermanja, minħabba li s-sid tal-bastiment huwa Ġermaniż.
Min-naħa tagħha, SOS Mediterranee sostniet li l-Aquarius dejjem issodisfa t-talbiet regolatorji ta’ Ġibiltà għal dawn l-aħħar sentejn, u qatt ma ġew irrappurtati xi każi ta’ ksur tal-liġi jew anomaliji.
Sostniet li l-Aquarius kien involut f’aktar minn 200 ħidma ta’ salvataġġ u dejjem kienet trasparenti f’xogħlha, filwaqt li dejjem żammet lill-awtoritajiet kompetenti infurmati b’dak li jkun qed jiġri.
L-għaqda sostniet li d-distinzjoni li għamel il-Gvern ta’ Ġibiltà bejn bastimenti għas-sorveljanza u wieħed ta’ salvataġġ hija bla bażi. Irrimarka li l-Awtorità Marittima tal-Ġibiltà irreġistrat lill-Aquarius bħala bastiment tal-ħidma tas-salvataġġ mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.
⚡STATEMENT⚡After learning that #Gibraltar was intending to take the #Aquarius off its registry, @SOSMedIntl denounces its political manoeuvre aimed at impeding Search and Rescue operations. No deficiencies were ever reported to the regulatory demands.
— SOS MEDITERRANEE (@SOSMedIntl) August 13, 2018
Għaldaqstant temmet tgħid li għad hemm lok għal diskussjoni miftuħa, trasparenti u ġusta mal-awtoritajiet tal-Ġibiltà.
L-aħbar ħarġet wara li l-Italja talbet lill-Ingilterra biex tieħu l-141 immigrant abbord il-bastiment minħabba li jsalpa bil-bandira ta’ Ġibiltà.
L-immigranti nġabru minn żewġ ħidmiet ta’ salvataġġ separati fil-baħar Mediterran nhar il-Ġimgħa.