Il-Gvern ta’ Assad wara l-attakk bil-gass tal-4 ta’ April

Is-Servizzi tal-Intelliġenza Franċiżi kkonkludew li kienu l-forzi tal-President Sirjan Bashar al-Assad li wettqu l-attakk b’gass kimiku fil-villaġġ ta’ Khan Sheikhoun fl-4 ta’ April li għadda.
L-attakk kien ħalla għexieren ta’ persuni mejta u oħrajn jiġġieldu għal ħajjithom waqt li l-Istati Uniti kienet wettqet attack bil-missili fuq bażi tal-ajru Sirjana.
Dan kien l-ewwel attakk dirett li l-Istati Uniti wettqet fuq il-gvern ta’ Assad. Id-dokument ta’ sitt paġni, li nġabar mill-militar Franċiż u anke minn servizzi ta’ intelliġenza internazzjonali jgħid li wasal għal konklużjoni wara kampjuni li ttieħdu mill-villaġġ u anke minn kampjun tad-demm ta’ wieħed mill-vittmi.
Skont Reuters, li għandha f’idha d-dokumenti, fil-kampjuni nstabu kimiċi prodotti mill-Gvern Sirjan.
Ir-rapport jikkonkludi li Bashar al-Assad biss, jew inkella persuni influwenti viċin tiegħu biss, jistgħu jagħtu ordni biex jintużaw dawn l-armi kimiċi.
Ikompli jgħid li gruppi ġiħadisti fiż-żona ma għandhomx il-kapaċità u r-riżorsi biex jiżviluppaw u jwettqu attakk simili. Jgħid ukoll li l-grupp li jsejjaħ lilu nnifsu l-Istat Iżlamiku ma kienx fiż-żona.
Mal-aġenzija tal-aħbarijiet AFP, Assad kien qal li l-attakk kien iffabrikat. Iżda din l-istqarrija ma kinitx kredibbli meta wieħed jikkunsidra n-numru kbir ta’ persuni li ddaħħlu fi sptarijiet Sirjani u Torok u l-filmati li dahru fuq il-midja soċjali ta’ nies li bilkemm jistgħu jieħdu n-nifs.