Il-Gvern Spanjol se jkeċċi l-mexxejja Katalani

Il-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy, qal li l-Gvern se jieħu r-riedni tal-Katalunja f’idejh, hekk kif qed jippjana li jneħħi lill-mexxejja Katalani mill-karigi tagħhom u jsejjaħ elezzjoni fir-reġjun mill-iktar fis.
Wara laqgħa urġenti tal-Kabinett, il-Prim Ministru ħabbar li dawn il-miżuri l-ewwel iridu jiġu approvati mis-Senat Spanjol fil-jiem li ġejjin.
Dan hekk kif il-mexxej Katalan, Carles Puigdemont, injora t-talbiet tal-Gvern Spanjol biex jirtira s-sejħa għall-inidpendenza wara li ftit ġimgħat ilu l-Katalani rebħu d-dritt biex jinqatgħu minn Spanja.
Spjega li kontra x-xewqa tiegħu, l-Gvern kellu jieħu azzjoni kontra l-aġir tal-Gvern Katalan li kien qed jikser il-liġi, u għalhekk attwa l-Artiklu 155 tal-kostituzzjoni Spanjola.
Dan l-artiklu jgħid li l-Gvern Spanjol jista’ jimponi ħakma diretta fuq kwalunkwe reġjun semi-awtonomu f’każ ta’ kriżi.
Il-liġi Spanjola tgħid ukoll li l-elezzjonijiet iridu jsiru sa sitt xhur wara li jiġi attwat Artiklu 155, iżda Rajoy qal li l-elezzjonijiet għadhom jissejħu kemm jista’ jkun malajr.