Il-Gvern Spanjol jordna l-għeluq tal-lukandi

Spanja / Spain
REUTERS/Nacho Doce

Read in English.

Nhar il-Ħamis il-Gvern Spanjol ordna l-għeluq tal-lukandi kollha fil-pajjiż, u wiegħed li jimplimenta miżuri speċjali fi djar tal-kura wara żieda qawwija fil-każijiet u l-imwiet minħabba l-virus. 

Uffiċjali rrappurtaw li l-imwiet telgħu b’aktar minn terz nhar il-Ħamis, biex issa laħqu s-767, waqt l in-numru ta’ każijiet żdiedu b’aktar minn kwart għal 17,149, biex b’hekk Spanja saret it-tieni pajjiż li ntlaqat l-agħar minn dan il-virus wara l-Italja.

Il-gvern ordna li l-lukandi kollha u postijiet oħra ta’ akkomodazzjoni turistika għandhom jagħlqu fi żmien sebat ijiem u dan “għandu jiggarantixxi ż-żamma tal-pandemija”. Din hija daqqa oħra għas-settur tat-turiżmu tal-pajjiż, li diġà kien jinsab għaddej minn żmien ħażin. Spanja, li fl-2018 kienet il-pajjiż bit-tieni l-akbar numru ta’ żjarat fid-dinja, diġà għalqet il-fruntieri terrestri kollha tagħha ħlief għal ċittadini u residenti.

Djar li joffru akkomodazzjoni fit-tul huma eżenti minn dan l-għeluq, imma xorta waħda japplika għalihom stat ta’ emerġenza impost mill-gvern madwar ġimgħa ilu, fejn in-nies jistgħu joħorġu biss għal raġunijiet ta’ bżonn. 

“Għad irridu naffaċċjaw l-agħar mumenti, dawk fejn se nkomplu naraw żieda fl-għadd ta’ każijiet,” qal il-Ministru għas-Saħħa Salvador Illa aktar kmieni nhar il-Ħamis. 

Eluf ta’ truppi ntbagħtu f’diversi bliet madwar il-pajjiż biex jgħinu bl-isforzi ta’ dekontaminazzjoni, assistenza medika u sorveljanza. Unitajiet tal-armata ntbagħtu għall-ewwel darba nhar il-Ħamis fir-reġjun indipendenti tal-Katalonja, sabiex iwettqu xogħlijiet ta’ diżinfezzjoni fl-ajruport u l-port ta’ Barċellona.

L-awtoritajiet ħabbru li 49 persuna ġew arrestati għax kisru l-limitazzjonijiet fuq il-moviment f’dawn l-aħħar sigħat.

Ir-restrizzjonijiet kienu qed jagħtu “riżultati tajbin ħafna” wara kważi ġimgħa mill-implimentazzjoni tagħhom, qal il-Ministru għat-Trasport Jose Luis Abalos meta tkellem mal-ġurnalisti. Huwa stqarr li t-traffiku fit-triq naqas b’90% meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019, it-traffiku bl-ajru naqas b’aktar min-nofs, waqt li l-ferroviji fuq distanzi medji u twal qed joperaw biss b’rata ta’ 2%, u kompla jgħid li m’hemm l-ebda pjan biex l-ajruporti jingħalqu kompletament. 

L-attenzjoni daret fuq id-djar tal-kura matul din il-kriżi, u l-prosekuturi f’Madrid nhar l-Erbgħa fetħu investigazzjoni minħabba aktar minn 17-il mewta marbuta mal-koronavirus f’dar tal-kura fejn il-pazjenti tpoġġew f’lockdown mingħajr ma ngħataw aċċess għall-kura fl-isptar.

L-awtoritajiet ma speċifikawx kemm mietu nies fi djar tal-kura, imma l-uffiċċju tal-prosekutur ġenerali qal li qed tiġi investigata din il-kwistjoni, hekk kif ġew irrappurtati każijiet simili f’faċilitajiet oħra, u l-infirmiera qalu li ma kellhomx biżżejjed maskli u ingwanti għall-protezzjoni. 

Id-Deputat Prim Ministru Pablo Iglesias qal li d-djar ta’ kura għandhom ikunu mgħammra b’urġenza bit-tagħmir u l-persunal mediku meħtieġ, fejn qal li din hija “prijorità assoluta”.