Il-Gvern Spanjol jipprova jġedded l-istat ta’ emerġenza sa tmiem Ġunju

REUTERS/Susana Vera

Read in English.

Il-Gvern Spanjol se jara jistax iġedded l-istat ta’ emerġenza fil-pajjiż sa tmiem Ġunju, skont ma qal il-Prim Ministru Pedro Sanchez ilbieraħ. Dan wara li n-nies ħarġu jipprotestaw kontra l-Gvern fit-toroq.

Il-pajjiż huwa wieħed minn dawk li ntlaqtu l-agħar fid-dinja mill-imxija tal-coronavirus, b’aktar minn 27,000 mewta.

Il-protesti f’Madrid kienu kontra l-mod kif il-Gvern qiegħed jaffaċċja din il-kriżi u l-kriżi ekonomika li qed issegwi dik tas-saħħa. Dawk li qed jipprotestaw qegħdin isejħu għar-riżenja tal-Gvern.

Inġabru mijiet ta’ persuni f’dawn il-protesti minkejja l-isforzi tal-pulizija biex jinfurzaw it-tbegħid soċjali. Dawk li ħarġu jipprotestaw bdew ixejru l-bnadar ta’ Spanja u jgħajtu “viva España!” F’kummenti li taw lill-midja, qalu li l-Gvern l-ewwel irid jaċċerta li kulħadd huwa f’saħħtu, billi jittestja lil kulħadd, imbagħad iħalli lin-nies imorru lura għax-xogħol biex l-ekonomija terġa’ tqum fuq saqajha.

Saħqu li wara l-coronavirus, l-agħar virus se jkun dak “ta’ Pedro u Pablo” li skonthom, se jirrovinaw lil 47 miljun persuna Spanjola. Kienu qed jirreferu għall-Prim Ministru Pedro Sanchez u d-Deputat Prim Ministru Pablo Iglesias.

Protesti simili saru wkoll f’Zaragoza u f’Sevilja.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn