Il-Gvern Spanjol irid il-Knisja tippublika inventarju tal-proprjetà

Turista bilqegħda fuq bank fil-Kattidral ta' Cordoba

Il-kwestjoni dwar stat lajk jew mhux, qed terġa’ tbaqbaq fi Spanja fejn il-Gvern Soċjalista ġdid ta’ Pedro Sanchez ħabbar li jrid li l-Knisja Kattolika tippubblika inventajru tal-proprjetà kollha li għandha.

Madwar sena u nofs ilu l-Knisja Kattolika Spanjola rnexxielha tirreġistra bħala proprjetà tagħha l-Kattidral ta’ Cordoba li hu meqjus bħala Wirt tal-UNESCO li hu t-tielet l-aktar sit li jżuruh nies fi Spanja. U biex għamlet dan ħallset biss €30.

Movimenti Spanjoli favur il-lajċiżmi kellhom reazjoni qawwija ħafna kontra dan. Biljett biex tidħol fil-post jiswa €10 li jfisser li minnu l-Knisja għandha dħul qawwi li la hu dikjarat u anqas intaxxat. Is-sena li għaddiet aktar minn 1.8 miljun persuna żaru l-Kattidral.

Il-Parlament Spanjol f’April tas-sena li għaddiet iddibatta proposta biex jinħoloq Reġistru tal-Proprjetà tal-Knisja u l-istorja waqfet hemm.  Issa l-Gvern Soċjalista ġdid reġa’ poġġa d-diskussjoni fuq l-aġenda.

Il-Ministru tal-Ġustizzja qal li jixtieq jippublika inventarju tal-proprjetà li l-Knisja, uffiċjali jew istituzzjonijiet tagħha akkwistaw li għad ma kienux reġistrati.  Uffiċjali tal-Knisja qal li biex isir dan għandhom bżonn sitt xhur.

Fi Spanja, liġi tal-1946 kienet tħalli lill-Isqfijiet li jirreġistraw kull proprjetà f’isimhom, ħlief il-knejjes. Madankollu ħafna mill-knejjes kienu reġistrati fis-snin 80 u dawn kienu jammontaw għal bejn 30 u 40 elf post.  Il-wirt tal-Knisja Kattolika Spanjola barra knejjes u kattidrali jinkludi wkoll ċentri parrokkjali, għelieqi, dwieli, funtani u siti pubbliċi bħal Mount Oiz, muntanja leġġendarja li tinsab fir-reġjun Bask.

Fl-1998, liġi Spanjola oħra kompliet aġevolat il-Knisja billi llegalizzat din il-prattika u ffaċilitat dawn ir-reġistrazzjonijiet. Dan il-privileġġ kompla jkun estiz fl-2015. Iżda sena wara, sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat li l-proċess tar-reġistrazzjoni tal-Knisja kien wieħed arbitrarju u allura ordnat lill-Gvern li jħallas id-danni lis-sidien.

Il-President tal-Moviment għal Stat Sekulari qal li dak li qed jiġri fi Spanja hu uniku.  Il-Moviment qed jaħdem biex proprjetà reġistrat mill-Knisja u l-istitutzzjonijiet tagħha tittieħed lura.

Il-Konferenza Episkopali Spanjoli qalet li ma għandhiex lista ta’ din il-proprjet u li għandu jkun applikat il-prinċipju li ma jkunx hemm diskriminazzjoni.

Iżda l-Moviment Lajk qal li hemm bżonn tinstab soluzzjoni globali għal din il-problema. Kull reġistrazzjoni ta’ proprjetà mingħajr dokumenti għandha tkun dikjarata nulla u tinbidel il-liġi.