Il-Gvern sieket fuq allegazzjonijiet dwar permess ta’ villa f’art agrikola – PN

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Ryan Callus sostna li l-Gvern qed jinħeba wara investigazzjoni biex jikkonferma jekk dikjarazzjoni li saret mad-Dipartiment tal-Iżvilupp Rurali saritx minn Assistant Vet Support Officer.
Ryan Callus qal li l-Gvern qed jibqa’ sieket quddiem allegazzjonjiet dwar dokumentazzjoni falza fil-ħruġ ta’ permess biex tinbena villa f’art agrikola għat-tifla ta’ konsulent fis-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura u s-Sajd.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni sostna li fid-dawl ta’ dawn l-allegazzjonijiet, il-MEPA għandha tara li x-xogħlijiet jieqfu minnufih u ma jinqerdux mal-280 metru kwadru ta’ art agrikola.
Flimkien mal-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali Charlot Cassar, il-kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus appella wkoll lill-Kummissarju tal-Ambjent fi ħdan l-uffiċċju tal-Ombudsman biex jinvesiga l-allegazzjonijiet.
Huwa appella lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jara jekk twettaqx reat kriminali bl-allegat dikjarazzjoni falza.

Reazzjoni Gvern
Fi stqarrija, il-Gvern qal li dwar dan il-każ ta’ permess fis-Siġġiewi, il-persuna li għaliha rrefera l-kelliem tal-Oppożizzjoni qed tiġi investigata.
Il-Gvern sostna li l-Oppożizzjoni qed titkellem dwar allegazzjonijiet li qed jiġu investigati.
Fl-istqarrija ntqal li l-Gvern jinvestiga u jaġixxi.