“Il-Gvern seraq pensjonant; tah €50 minflok €170″ – Delia

Anzjan għamel snin jirċievi penzjoni ta’ €50 fil-ġimgħa mingħajr ma kien jaf li kien qed jinsteraq hekk kif suppost kien qed jieħu €170 fil-ġimgħa.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt li kien qed jindirizza attività politika fil-każin tal-PN ta’ Ħaż-Żabbar.
Spjega kif dan l-anzjan mar id-Dar Ċentrali sabiex jiċċekkja l-kontijiet tad-dawl tiegħu u spjega kif kull ma jieħu huwa total ta’ €50 fil-ġimgħa u għaldaqstant ma setax ilaħħaq mal-ħlas tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Delia spjega li dan l-anzjan suppost kien qed jieħu €170 fil-ġimgħa. Għaldastant il-Partit Nazzjonalista indaga dwar dan il-każ fejn irriżulta li kien hemm żball tant li issa r-raġel se jkun qed jieħu eluf b’lura li ma ħax qabel kif ukoll se jibda jieħu r-rata ta’ penzjoni kif suppost mix-xhur li ġejjin.
Kontijiet: “80% tal-poplu Malta qed jinsteraq kull xahrejn”
Fid-diskors tiegħu Delia rrefera għar-riċerka li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma fejn sostna li 80% tal-poplu Malti qed jinsteraq kull xahrejn.
Qal li dan mhux ħiereġ mir-riċerka tal-Partit biss iżda skont Delia, dan huwa kkonfermat fl-istatistika riċenti tal-Eurostat li jpoġġu lil Malta bħala s-seba’ l-ogħla pajjiż f’dak li huwa l-prezz tal-elettriku.
Irrimarka li filwaqt li l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea (UE) raw tnaqqis, Malta rat żieda ta’ 7%. Għaldaqstant sostna li l-Gvern jibqa’ jgħid li l-kontijiet qed jorħsu.
“1 minn kull 10 bi problemi biex ilaħħqu mal-kera”
Delia spjega kif wieħed minn kull 10 persuni qed isibu problemi kbar biex ilaħħqu mal-kera.
Spjega kif dawn in-numri qed jikbru kuljum kif qed jikber in-numru tal-foqra tant li sostna li issa hawn mas-70,000 persuna li għalkemm għandhom xogħol, l-ammont li qed jagħmlu mhux biżżejjed sabiex jaslu sal-aħħar tax-xahar.
"Sena ilu l-poplu warrab in-negattività" – PL
Il-Partit Laburista sostna li sena ilu l-poplu Malti u Għawdxi ddeċieda li jwarrab in-negattività.
Fi stqarrija risposta għad-diskors ta' Delia, il-Partit Laburista sostna li ma jistax jifhem kif il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jibqa' jippersisti u jkun kontra investimenti fl-enerġija u jgħid li ma raħsux il-kontijiet.