Il-Gvern se jżid is-sussidju biex jestendi s-servizz

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li s-sussidju tal-Gvern lill-operaturi tat-trasport pubbliku mistenni jiżdied wara diskussjoni biex jiżdied is-sevizz u l-frekwenza tas-servizz eżistenti.

Meta kien qed jirrispondi għall-mistoqsija supplementari tad-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, Borg qal li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna minħabba li l-bidla fis-servizz se jiswa’ il-miljuni u allura l-bidliet proposti mistennija jidħlu f’numru ta’ faijiet.

Il-mistoqsija oriġinali tal-whip Laburista Byron Camilleri kienet dwar il-Fgura u l-possibilità li ssir venda f’din il-lokalità biex ittaffi ftit mid-diffikultajiet tar-resident li mhux qed jinqdew sew mis-servizz tal-karozzi tal-linja.

Borg qal li s-servizz hu vittma tas-suċċess tiegħu minħabba li l-patrunaġġ irdoppja fl-aħħar snin u mhux qed ileħħaq mad-domanda li qed ikollu.

Is-sussidju tal-gvern lill-operaturi tat-trasport pubbliku Autobuses de Leon bħalissa hu ta’ €29 miljun fis-sena.