Il-Gvern se jwaqqaf Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità

DOI - Jeremy Wonnacott

Il-Ministeru għall-Intern se jwaqqaf Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità.

Fi stqarrija l-Ministeru qal li wieħed mill-għanijiet ta’ din l-aġenzija hu li servizzi li diġà jkunu pprovduti minn entitajiet li jagħmlu parti mill-Ministeru jingħaqdu taħt saqaf wieħed, jiżdiedu u jissaħħu.

Intqal li bħala parti mit-tħejjijiet għat-twaqqif ta’ din l-aġenzija, saret sessjoni ta’ konsultazzjoni li laqqgħet flimkien numru ta’ msieħba li jaħdmu f’dan is-settur. Dawn jinkludu professjonisti, pulizija, uffiċjali tal-ħabs, uffiċjali tal-qorti, u rappreżentanti mis-servizz edukattiv u soċjali.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri spjega kif ħafna drabi l-vittma ma jkunx konxju ta’ x’inhuma l-proċeduri jew id-drittijiet tiegħu u jispiċċa jħossu waħdu anke meta ma jkunx.

“Wegħedna li rridu npoġġu bħala prijorità l-vittmi tal-kriminalità u dawk qrib tagħhom, li ħafna drabi jinħass li dawn ikunu ntesew. Huwa għal dan il-għan ukoll li rridu nwaqqfu din l-aġenzija, kif wara kollox wegħedna fil-manifest elettorali tal-aħħar elezzjoni ġenerali,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru spjega kif din l-aġenzija trid taħdem fil-qrib mal-għaqdiet mhux governattivi u aġenziji oħra tal-gvern li diġà joffru servizzi importanti.