Il-Gvern se jsaħħaħ is-servizz edukattiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Il-Ministru Carmelo Abela sostna li l-Gvern jemmen li l-iskop tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin mhux il-kastig, imma li jkun hemm progress fl-imġieba u l-ħiliet personali tal-ħabsin biex jirnexxu meta jirritornaw fis-soċjeta.
Il-Ministru Abela qal dan waqt il-preżentazzjoni ta' ċertifikati li ngħataw lil 13-il priġunier li temmew b'suċċess kors fuq l-immaniġjar tal-abilitajiet u l-attitudni. 
Fil-preżent hemm madwar 125 priġunier li qed jattendu korsijiet in-house li jwasslu sal-livell ordinarju fosthom fil-lingwi, fl-istorja u fil-kompjuter.  
Disgħa oħra qegħdin jattendu korsijiet post-sekondarji fosthom fit-turiżmu ġewwa l-ITS u korsijiet fl-inġinerija, fl-elettronika, fin-negozju u fil-qasam marittimu fl-MCAST. 
Il-Ministru Abela elenka l-ħidma li qed issir permezz ta' workshops f'oqsma bħall-ħjata, l-purtieri u souvenirs, fejn il-priġunieri jiġu kkumpensati b'rati kummerċjali, bil-għan li jiżdied l-interess fid-dinja tax-xogħol. 
Parti mill-paga li jirċievu mill-ħjata ta’ purtieri jmur f’fond li jibbenifikaw minnu vittmi ta’ reati.
Preżentament, 32 priġunier qegħdin jagħmlu xogħol fil-komunità fosthom mal-Kunsilli Lokali u istituzzjonijiet reliġjużi.

Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott