​Il-Gvern se jniedi żewġ skemi volontarji biex togħla l-pensjoni

Il-Gvern se jintroduċi żewġ skemi volontarji li t-tnejn se jkunu abbinati ma' roħs fit-taxxa tad-dħul – il-ħolqien ta’ pensjoni privata u Individual Savings Account.
L-għan hu li dak li jkun, jekk irid, jaħseb għall-ġejjieni biex itejjeb it-tip ta’ pensjoni li jkollu meta jirtira. Din tiżdied mal-pensjoni li tingħata b'riżultat tal-ħlas tal-bolla.
Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal dan fil-Parlament fil-ftuħ tad-diskussjoni fil-livell ta’ Tieni Qari tal-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul.
Dan wara li l-Parlament ilbieraħ approva l-abbozz ta’ liġi li jwassal għal bidliet fil-liġi tas-Sigurtà Soċjali.
Il-Ministru spjega li ż-żewġ skemi se jaħdmu b’mod differenti.
Il-pensjoni privata se tinbiegħ minn banek jew istituzzjonijiet rikonoxxuti. Se taħdem bħala kont li fih wieħed iġemma’ sa massimu ta’ €2,000 fis-sena. Madankollu, dan il-kont m’għandux jintmess jekk wieħed irid igawdi ’l quddiem, peress li jitħaddem bħala investiment fit-tul.
L-iskema l-oħra hi intiża għal min ikun irid jiġbed lura f’xi ħin parti mill-flus investiti. L-Individual Savings Account, li bħalu hemm ukoll fl-Ingilterra, li se jwassal biex il-flus iddepożitati jiġu investiti f’bonds jew f’corporate bonds
Il-Ministru qal li l-Gvern se jżomm mal-miri tiegħu ta' dejn sa 3.5% tal-Prodott Gross Domestiku u li ċ-ċifri għal din is-sena se juru li l-ekonomija Maltija kibret.