Il-Gvern se jniedi kampanja għal ħajja aktar attiva

Il-Gvern mistenni jniedi kampanja biex iħaġġeġ lin-nies jgħixu ħajja aktar attiva. Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Stefan Buontempo ħabbar dan waqt ċerimonja ta’ premjazzjoni organizzata mill-Malta Employees and Sport Association.

Buontempo saħaq li huwa ta’ tħassib li Malta għandha t-tieni l-ogħla rata ta’ tfal obeżi fid-dinja wara biss il-Greċja. Dan għadu kif ġie ppublikat fi studju ta’ Andrew Decelis, Direttur fl-Università ta’ Malta.

Filwaqt li feraħ lill-membri tal-kumitat li qed iżommu din l-assoċjazzjoni ħajja li tmur lura għas-snin 70, is-Segretarju Parlamentari qal li jkun tajjeb jekk din l-assoċjazzjoni tibda kampanja t’għarfien, flimkien mal-Gvern, biex l-impjegati li jaħdmu maċ-ċivil u mal-entitajiet governattivi, japprezzaw aktar il-valur ta’ saħħithom.