Il-Gvern se jkun qed joffri appartamenti bi €300 fix-xahar

Read in English.

Il-Gvern se jkun qed joffri appartamenti li jibdew minn €300 fix-xahar għal dawk in-nies li jkollhom bżonn l-għajnuna biex isibu post fejn joqgħodu.

Fi stqarrija s-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali qal li huwa stmat li l-prezz tal-kirkiet tal-Housing Affordabbli se jkunu madwar €300 fix-xahar (kamra tas-sodda waħda), €400 fix-xahar (żewġt ikmamar tas-sodda), u €500 fix-xahar (tlett ikmamar tas-sodda).

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li dawn huma prezzijiet affordabbli tal-kera għal Malta.

“Minn riċerka intensiva li saret mis-Segretarjat immexxi minni, irriżulta l-bżonn ta’ mudell ġdid ta’ housing f’pajjiżna. Il-mudell ta’ Housing Affordabbli se jassissti lil dawk li ma jikkwalifikawx għal housing soċjali, iżda li xorta waħda għandhom bżonn imbuttatura mill-gvern sabiex ikollhom housing adekwat, u illum qed inħabbar l-ewwel proġett ta’ dan it-tip f’Malta”, qal is-Segretarju Parlamentari.

Galdes ħabbar li l-proġett huwa pjanat li jsir f’sit tal-gvern fil-Fgura, u li x-xogħol mistenni li jibda’ ġaladarba l-Awtorità tal-Ippjanar tagħti l-permessi meħtieġa. Huwa stmat li l-ewwel proġett ta’ housing affordabbli ta’ dan it-tip se jkollu nefqa ta’ madwar €10,000,000.

Qal ukoll li r-riċerka turi li hawn nuqqas ta’ propjetajiet għal kiri bi prezzijiet ta’ bejn €300 u €500, u għalhekk il-gvern ħass il-ħtieġa li jintervjeni biex jassisti lil dawk li qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-kirjiet.

Intqal li l-eliġibbiltà għal Housing Affordabbli se tkun ibbażata fuq il-kompożizzjoni tal-familja u fuq id-dħul tal-familja. Se jkun assigurat li l-familji li jibbenefikaw minn din l-għajnuna jkunu f’pożizzjoni li jħallsu l-kirja. Is-Segretarju Parlamentari qal li familja għandha tonfoq madwar 30% tad-dħul tagħha fuq akkomodazzjoni, u għalhekk dawk eliġibbli jridu jkunu f’pożizzjoni li jħallsu l-prezzijiet stipulati. Min għandu dħul aktar baxx jaf ikun eliġibli għal housing soċjali.

Il-Chairperson tal-Bord tal-Housing Affordabbli Joseph Bartolo qal f’konferenza tal-aħbarijiet li dan il-proġett ser ikun qed jitħallas permezz tal-kirjiet infushom

Tħabbar ukoll li l-kuntratti tal-housing affordabbli se jkunu twal ħames snin, sabiex il-familji li jkunu qed jgħixu f’dawn il-kirjiet ikollhom l-istabbilità.