Il-Gvern se jkompli jkabbar l-ekonomija – il-Ministru Cardona

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Investiment Chris Cardona qal li l-Gvern beħsiebu jkompli jkabbar l-ekonomija Maltija.
Il-Ministru qal dan waqt business breakfast organizzat ma’ diversi investituri bit-tema tkun jekk Malta għandhiex tkompli tattira aktar investituri barranin.
Fi stqarrija, il-Ministeru qal li rapport riċenti tal-UNCTAD dwar l-investiment madwar id-dinja, juri li l-investiment internazzjonali naqas bi 2% u beħsiebu jirkupra ftit din is-sena. Minkejja dan, il-Ministeru qal li Malta Enterprise irnexxilha tattira numru mhux żgħir ta’ investituri barranin.
Ġew ippubblikati wkoll figuri li juru s-sapport li tat Malta Enterprise lill-investituri lokali u barranin, mis-sena 2013 sas-sena li għaddiet.
Il-Ministru Cardona qal li l-Gvern adotta strateġija li biha qed ikompli jaħdem favur niċeċ li qed iżidu l-valur lill-ekonomija Maltija.
Spjega li Malta Enterprise tagħmel riċerka billi tuża metodi differenti dwar il-kwalità tas-suq Malti u l-esperjenza ta’ industriji eżistenti biex toħloq strateġija li tassigura li l-operat tan-niċeċ kollha jattiraw aktar investituri.