Il-Gvern se jkollu jissellef €2 biljun għall-miżuri kontra l-coronavirus – Scicluna

Edward-Scicluna-Parlament-Coronavirus

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li partijiet mill-baġit ta’ din is-sena mgħandhomx jgħoddu aktar minħabba l-miżuri straordinarji kontra t-tixrid tal-coronavirus.

Illum l-Parlament iltaqa’ biex issir diskussjoni ġenerali mingħajr vot dwar il-pakkett ta’ għajnuna finanzjarja mill-Gvern biex jindirizza l-isfidi ekonomiċi li Malta qed taffaċċja minħabba t-tixrid tal-COVID-19.

Minn dak li qed ifassal il-Gvern jidher li t-tieni kwart tas-sena se jintlaqat l-aktar, bit-tielet kwart ukoll se jkun affetwat iżda fir-raba’ kwart l-ekonomija tibda tirkupra. Huwa qal li d-dħul tal-Gvern se jonqos b’10%.

100 miljun għall-baġit tas-Saħħa

Scicluna qal li l-ispiża tas-Saħħa se titla’ ‘il fuq minn mitt miljun. Huwa qal li l-pakkett finanzarju offrut minn Malta jikkompara tajjeb mall-pajjiżi l-oħra tal-EU. 

Huwa qal li l-aħjar pakkett hu tad-Danimarka iżda l-programm ta’ Malta jikkompara ma’ dak tal-Ġermanja, msejħa ‘Bazooka’.

Il-Ministru qal li filwaqt l-Gvern se jkun qed jagħti Eur800 fix-xahar biex il-ħaddiem jibqa’ fuq il-kotba tal-imgħallem tiegħu u mistenni li dawk l-intrapriżi li jifilħu jmorru lill’hinn mill-€400 fix-xahar li huma obbligati li jagħtu lill-ħaddiem fix-xahar. Huwa qal li se jkun uġiegħ ta’ ras kbira għal Malta li jissellef €2 biljuni mis-swieq internazzjonali li jinkludi l-MDSF u l-Bank Ċentrali. Scicluna qal li l-ispiża se jkun bejn 6 jew 7 fil-mija tal-ispiża totali.

Il-Gvern kien reattiv u selettiv – Delia

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li tajjeb li għamel il-pakkett finanzjarju mhux għax il-pakkett tajjeb iżda li kieku ma għamel xejn eluf ta’ ħaddiema dalgħodu tilfu xogħlhom kif stqarret il-kamra tal-kummerċ.

Huwa qal li l-Gvern kien reattiv meta dam ma għalaq l-arjuport internazzjonali u l-każijiet tal-coronavirus wasslu mill-pajjiżi fejn l-Oppożizzjoni kienet ilha tgħidlu biex jagħlaqhom.  Delia qal li l-Gvern kien reattiv u selettiv.
Huwa qal għax twarbu 110,00 ħaddiem barra mill-pakkett finanzjarju tal-Gvern. 

Delia qal li l-Gvern imissu jgħid lil dawk il-ħaddiema li se jkun qed jgħin ‘il quddiem biex ma joħloqx inċertezza.

Delia qal li mill-25,000 self-employed, 7,000 biss se jieħdu xi ħaga mill-pakkett finanzjarju.

Delia qal li l-Ministru tal-Finanzi għad irid iwaqqaf kumitat tekniku biex jara kif dawk il-100,000 ħaddiem li tħallew barra, tiġu mgħejjun. Huwa qal li dan jikkuntrasta mal-istqarrija li għamel il-Ministru għall-Ekonomija Franċiż Bruno Le Maire li ta garanzija li l-ebda ħaddiema mhu se jitlef ċenteżmu minħabba l-coronavirus.

Il-kelliem ewlieni Nazzjonalista għall-Finanzi Mario de Marco qal li l-Gvern għamel ftit wisq minkejja li ħabbar tliet pakketti finanzjarji fi 11 -il ġurnata li ġabu kundanna nazzjonali mis-setturi kollha. Huwa qal li l-€175 miljun mgħotija huma wisq u se jwasslu għat-telf tax-xogħol. 

Tajjeb għal 60,000 ħaddiem iżda xejn għal 100,000 oħra – Claudio Grech

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li l-pakkett finanzarju li ħabbar il-Prim Ministru lbieraħ hu tajjeb għal 60 elf ħaddiema iżda mitt elf ħaddiem ieħor ma ħa xejn. Huwa qal li dawn il-ħaddiema li minkejja li għandhom tfal id-dar ma jistgħux jagħmlu social-distancing u iridu jmorru x-xogħol.

Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono qalet li dawn il-100 mitt elf ħaddiem fis-settur privat minkejja li ma soffrewx mis-sudden closure ġew milquta minn din il-kriżi.

David Thake qal li settur sħaħ li fuqhom hi mibnija l-ekonomija Maltija fosthom is-servizz finanzjarju u s-settur tal-Gaming li mhu ħa jieħu xejn mill-pakkett finanzjarju minkejja li ġew milquta sew. Huwa qal li wara l-ġest nobbli li għamel il-Prim Ministru lbieraħ li ċeda xahar paga, issa jmissu jdur fuq xi erba’ minn sħabu u jitlobhom lura l-€5,000 kuljum li qed jieħdu mill-kuntratt tal-electrogas u li minħabba f’hekk, il-Gvern intrabat li jixtri l-fjuwel bl-għoli minkejja li bħalissa l-prezz taż-żejt hu 10 dollaru l-barmil.

Naqqas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma bin-nofs – Schiavone

Herman Schiavone appella lill-Gvern biex immedjatament iraħħas il-kontijiet tad-dawl u ilma bin-nofs.

Edwin Vassallo qal li l-Gvern qasam lill-ħaddiema fit-tielet setturi b’setturi sħaħ fosthom biedja u sajd li mhu ħa jieħdu xejn. Huwa qal li l-Gvern qiesu qabad l-inħawi ta’ Tas-Sliema, Gżira u l-Imsida u aġġevolhom u ħalla l-inħawi l-oħra b’xejn.

Il-Ministru Carmelo Abela qal li pajjiżna jinsab fi Gwerra mingħajr ma nafu min hu l-għadu u meta se nirbħulu. Huwa qal li mhux minnu li huma biss 60,000 impjegat milquta mill-pakkett finanzjarju tal-Gvern iżda nofs l-impjegati tas-settur privat. Hu spjega kif apparti l-60,000 impjegat li se jibbenefikaw mit-€800 fix-xahar għall-spiża totali ta’ €44 miljun, hemm ukoll inizjattiva ta’ €17 miljun li se jolqtu 50,000 ħaddiem ieħor.

A step in the right direction but few steps short – Ivan J. Bartolo

Id-deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo qal li l-pakkett finanzjarju tal-bieraħ kien ‘a step in the right direction but few steps short’. Huwa appella lill-Gvern biex flok jagħti sussidju lill-kumpanija tal-IT, jagħtihom kuntratt biex jiżviluppaw applikazzjonijiet li fi kriżi ikun jista’ jidentifika persuni morda fil-bżonn.

Robert Arrigo qal li l-Gvern għandu fuq il-kotba tiegħu persons of trust li s-salarju tiegħu jammontaw €56 miljun iktar mill-pakkett finanzjarju li qed joffri lill-ħaddiema. Huwa qal li l-Gvern offra danger money lill-cameramen biex jiġbed konferenza tal-aħbarijiet u qed icaħħad lill-infermiera li jaħdmu frontline minn danger money.

David Agius stqarr li l-korruzzjoni qed iħallas għaliha l-poplu Malti tant li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ma jistgħux jitraħħsu mhux minħabba xi kontijiet pendenti li għandu l-PN iżda minħabba l-korruzzjoni tal-kumpanija Electrogas. 

Pakkett finanzjarju ma jiġix billi tfaqqa’ subgħajk – Clayton Bartolo

Clayton Bartolo qal li mhux għaqli li l-Gvern jagħti kollox illum iżda jqassam fi żmien propizju biex jgħin lil min jkollu bżonn. Huwa qal li l-pakkett finanzjarju ma jiġix billi tfaqqa’ subgħajk iżda hemm proċeduri li wieħed irid isegwi. Huwa qal l-ġimgħa d-dieħla se jkun hemm iktar inizjattivi fosthom għal kumpaniji tal-Fintech li assoċjati mas-settur turistiku. 

Pakkett fix-xahar ekwivalenti għall-ispiża annwali tal-Forzi Armati u t’Għawdex – Schembri

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li l-Oppożizzjoni timxi skont il-kummenti fuq Facebook u stqarr li din mhix serjetà. Huwa qal li l-pakkett finanzjarju tal-bieraħ kien approvat mill-korpi kostitwiti kollha u hija biss l-Oppożizzjoni li hi maqtugħa mir-realtà. Huwa qal li l-€44 miljun fix-xahar li se tingħata lill-ħaddiema bl-għotja €800 huwa ekwivalenti għall-baġit annwali tal-Ministeru għal Għawdex jew l-ispiza annwali tal-Forzi Armati. 

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn