“Il-Gvern se jispjega għalfejn ma jaqbilx ma’ 10% tal-pariri tal-AĠ” – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern se jkun qed jagħti raġunijiet għalfejn ma jaqbilx ma’ 10% tar-rakkomandazzjonijiet li għamel l-Awditur Ġenerali.
Waqt żjara fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, il-Prim Ministru qal ukoll li l-bqija tar-rakkomandazzjonijiet li dehru fir-rapport annwali tal-Uffiċċju, qed ikunu implimentati.
Ix-xogħol tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika huwa li jgħarbel kif il-Gvern u entitajiet pubbliċi jonfqu l-flus, jara nuqqasijiet u jagħti pariri biex l-affarijiet isiru aħjar.
Waqt il-laqgħa, il-Prim Ministru qal li l-punt kruċjali tal-Uffiċċju huwa li ma jħares lejn wiċċ ħadd u jikkritika fejn hemm bżonn filwaqt li insista li l-Gvern se jibqa’ jirrispetta kull kritika li jirċievi mingħandu.
Min-naħa tiegħu, l-Awditur Ġenerali qal li l-awtonomija tal-Uffiċċju se tibqa’ tiġi mħarsa.
Din kienet l-ewwel żjara ta’ Prim Ministru minn kemm ilu jopera dan l-uffiċċju.

Ritratt: DOI- Jeremy Wonnacott