Il-Gvern se jintilef fit-tieni reshuffle f’10 xhur – il-PN

Sarah Cassar Dymond

F’indikazzjoni ċara li l-gvern Laburista se jkun qed jagħmel reshuffle tal-Kabinett fil-jiem li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern “se jkollu jintilef fit-tieni reshuffle tiegħu f’għaxar xhur”.

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista dwar iż-żjara tal-Prim Ministru f’Għawdex dalgħodu, l-istess partit qal li minflok skuża ruħu mal-Għawdxin talli ppreżenta baġit li nesihom, Robert Abela dalgħodu naqas milli jindirizza l-problemi tal-preżent u tal-futur immedjat.

Il-PN saħaq li minflok isib is-soluzzjonijiet, il-PM Abela pprova jżeblah it-tim ta’ azzjoni tal-Covid-19 imwaqqaf mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li qiegħed jiddiskuti u jiltaqa’ mal-istakeholders ewlenin biex joħroġ bi pjan ta’ azzjoni u politika ċara.

Dwar il-proposti tal-baġit għal Għawdex, il-PN qal li il-Gvern ma ħabbar l-ebda inizjattiva ġdida bi proġetti li ilhom jissemmew 7 snin jibqgħu jissemmew u oħrajn li kienu jissemmew sparixxew għal kollox bla ma saru. Stqarru li l-Gvern ħabbar li se joħloq l-impjiegi f’Għawdex billi jibni Osservatorju tal-Kwiekeb.