Il-Gvern se jindirizza l-anomaliji fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern kien se jindirizza anomaliji fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Meta kien qed jindirizza l-Parlament waqt id-dibattitu tal-Estimi Finanzjarju għall-Ministeru tiegħu, Mizzi qal li ma kien hemm l-ebda serq kif qed ikun allegat mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, iżda jirriżulta li hemm għadd ta familji li jintlaqtu ħażin mill-mod kif jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Huwa qal li l-allegazzjonijiet tal-Oppożizzjoni ġew investigati fit-tul u l-istakeholders kollha ġew involuti f’dan il-proċess, madanakollu ma jinstab l-ebda irregolaritajiet.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt d-diskors tiegħu fil-Parlament b’replika għall-Baġit, kien qal li Gvern Nazzjonalista jrodd lura l-flus li dan il-Gvern seraq lil 80% tal-konsumaturi f’kontijiet għolja tad-dawl u ilma.

Minn stħarriġ li kien għamel il-Partit Nazzjonalista fuq l-ewwel 100 kont li n-nies ħadu magħhom fid-Dar Ċentrali rriżulta li 80% tan-nies ħallsu aktar milli suppost bid-diskrepanza tvarja minn €6 sa €600 fis-sena.