Il-Gvern se jikkonsulta mal-Kummissjoni Venezja dwar il-ħatra tal-ġudikatura – Repubblika

L-għaqda favur ir-rispett lejn il-liġijiet Repubblika qalet li l-Gvern huwa favur li qabel ma jipproponi emendi dwar il-ħatra tal-ġudikatura fil-Parlament jikseb qbil bil-miktub mill-Kummissjoni Venezja.

Fi stqarrija, Repubblika qalet li kellha laqgħa kordjali mal-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis fuq stedina tiegħu llum.

“Repubblika fakkret lill-Ministru li hi anzjuża li tara li ssir riforma dwar kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura skond normi demokratiċi tal-lum. Esprimiet sodisfazzjon li l-gvern qabel li jara li qabel jipproponi emendi fil-Parlament jikseb il-qbil formali u bil-miktub tal-Kummissjoni Venezja. Dan għandu jiġri wara konsultazzjoni effettiva u parteċipazzjoni wiesgħa fit-tħejjija ta’ dawn l-emendi b’diskussjoni li għandha tinkludi lis-soċjetà ċivili taħt l-iskrutinju ħieles tal-istampa.

“Il-ħtieġa tal-inklużjoni tas-soċjetà ċivili u tal-istampa ħielsa f’riformi strutturali u kostituzzjonali kienet identifikata bl-aktar mod ċar mill-Kummissjoni Venezja. Dan ma jgħoddx biss għal riformi dwar kif tinħatar il-ġudikatura, iżda wkoll għal riformi strutturali u kostituzzjonali oħra li huma meħtieġa,” qalet l-għaqda.

Repubblika se tjkun qed tħejji sunt tal-pożizzjoni tagħha dwar ir-riforma dwar il-ħatriet fil-ġudikatura. L-għaqda talbet lill-Ministru li jgħaddilha kopja tar-riformi li huma fl-intenzjoni tal-Gvern biex is-soċjetà ċivili Maltija tkun tista’ tesprimi l-fehmiet tagħha dwar dawn ir-riformi f’waqt li fihom ikun għad jista’ jsir titjib.

Id-delegazzjoni ta’ Repubblika kienet immexxijja mill-President Vicki Ann Cremona u kienet tinkludi lil Dr Robert Aquilina u lil Manuel Delia.