“Il-Gvern se jiddeċiedi biex ikun żgurat il-futur tal-Air Malta”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li matul l-2016, il-Gvern se jkompli bir-riformi fosthom fl-Air Malta.
Saħaq li l-Gvern jinsab impenjat li jkun hemm futur għall-ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru.
Il-Prim Ministru qal dan meta kien qed jindirizza l-midja u l-korpi kostitwiti fl-okkażjoni tas-sena l-ġdida.
Fuq l-Air Malta, fejn huwa mistenni li Etihad tixtri ammont ta’ ishma, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li se jkun hemm diskussjoni mas-soċjetà ċivili.
Sostna li r-rwol tal-midja għandu jibqa’ dak li jsir skrutinju u appella biex il-mezzi tax-xandir jaraw dak li jkun għaddej fis-soċjetà u jinvestigaw ukoll is-suq.
Joseph Muscat ġab eżempju tas-sħubija fil-gyms u saħaq li minkejja li fil-baġit daħlet fis-seħħ miżura ta’ traħħis tal-VAT, mhux kulħadd qed jirrifletti dan ir-roħs lejn il-konsumatur.
Matul id-diskors, il-Prim Ministru għamel referenza għal miżuri li daħlu fis-seħħ fil-bidu tas-sena fosthom it-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul, it-tnaqqis fit-taxxa għal min jixtri propjeta f’żona ta’ konservazzjoni urbana u liċenzja u tnaqqis fil-VAT għall-attivitajiet sportivi.
Dwar l-2016, qal li din se tkun sena ta’ konsolidament u waħda impenjattiva.