Il-Gvern se jibqa’ jagħżel il-President u l-Prim Imħallef – PN

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern se jibqa’ jagħżel il-President u l-Prim Imħallef.

Fi stqarrija ffirmata minn Chris Said, Tonio Borg, u Amy Camilleri Zahra l-PN qal li jqis bħala inaċċettabbli li kemm fil-każ tal-ħatra tal-President kif ukoll tal-Prim Imħallef, l-aħħar kelma dejjem se tkun tal-Gvern. Il-PN qal li dan joħroġ mill-abbozz ta’ liġi mħejji mill-Gvern biex jemenda l-Kostituzzjoni.

“Dan wara li l-Gvern kien stqarr pubblikament li l-Kabinett kien approva li l-President ta’ Malta jiġi elett b’żewġ terzi tal-membri tal-Parlament u wara li kien hemm qbil informali mal-proposta li l-Oppożizzjoni ilha tagħmel biex il-President ta’ Malta jibda jintgħażel b’vot ta’ mill-inqas żewġ terzi tal-Membri Parlamentari,” qal il-PN.

Kompla jgħid li dan mhux aċċettabbli għall-Oppożizzjoni “li dejjem sostniet li l-ħatra tal-President dejjem għandha ssir b’żewġ terzi, kif isiru dawk tal-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Istandards, liema karigi dejjem imtlew taħt amministrazzjonijiet differenti mingħajr problemi.”

Il-PN qal ukoll li l-garanzija ta’ sigurta tal-kariga tal-membri tal-ġudikatura, billi ġudikant jista’ jitneħħa biss b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Parlament   qegħda tiġi propost li titneħħa min-naħa tal-Gvern. L-Oppożizzjoni ma kinitx ikkonsultata dwar diversi punti li joħorġu mill-abbozzi pubblikati u dan minkejja ftehim fl-Isteering Committee dwar ir-Riforma Kostituzzjonali li l-Gvern kien se jikkonsulta mal-Oppozizzjoni.

L-ewwel żewġ voti se jkunu biż-żewġ terzi – Ministeru għall-Ġustizzja

F’reazzjoni għal dak li qal il-PN, il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li l-ewwel vot għandu jkun biż-żewġ terzi tal-voti parlamentari. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil għandu jerġa’ jkun hemm vot bl-istess mod.

“Jekk it-tieni vot ma jġibx iż-żewġ terzi tal-voti parlamentari, il-gvern introduċa dak li hu msejjaħ ‘anti-deadlock mechanism’, hekk kif maqbul mal-Kummissjoni Venezja,” qal il-Ministeru.

“B’konvinzjoni, il-gvern impenjat li jintlaħaq qbil ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Kamra tad-Deputati f’dawn il-ħatriet. Dan diġà sar mingħajr ebda qafas legali fil-ħatra tal-Prim Imħallef il-ġdid, Dr Mark Chetcuti,” skont il-Ministeru.

Il-Ministeru qal li l-Gvern għandu jibqa’ għaddej bir-riformi. Qal li l-gvern sa mill-bidu ta’ dan il-proċess fittex il-konverġenza politika ma’ kulħadd.