“Il-Gvern se jibni triq ġdida u jibla’ aktar raba’ f’Ħ’Attard” – AD

L-Alternattiva Demokratika argumentat li Malta li teħtieġ mhux toroq akbar jew twessigħ ta’ strutturi eżistenti, iżda anqas karozzi.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ħ’Attard, fejn ġie propost li tinbena triq ġdida, iċ-Ċermen tal-AD, Carmel Cacopardo, qal li l-Gvern m’għandux pjan veru biex jiranġa s-sitwazzjoni tat-traffiku, u fuq kollox jiġi jaqa’ u jqum mill-ambjent.
Cacopardo qal dan għax it-triq li se tinbena se tieħu post raba’ saqwi li jrendi uċuh is-sena kollha, u hemm numru ta’ bdiewa li jaqilgġu x’jieklu minnu.
Tkellem ukoll Ralph Cassar, kelliem tal-Ħodor għall-Enerġija u kunsillier fil-lokalità, li sostna li aktar toroq iġibu aktar traffiku, u fakkar li pjanijiet għal dit-triq ilhom mis-Snin Sittin.
“Hemm bżonn numru ta’ inizjattivi li flimkien ikollhom l-effett li jnaqqsu l-karozzi mit-toroq tagħna. Hemm fuq kollox ħtiega ta’ iktar investiment f'sistemi differenti ta' trasport pubbliku. Hawn domanda għat-trasport pubbliku li mhux qed tiġi sodisfatta”, enfasizza Cassar.
Temm jgħid li huwa inkwetanti kif minkejja l-paroli kollu li jsir dwar l-importanza tal-biedja, u n-nuqqas ta' żgħażagħ li qed jagħżlu karriera fil-biedja, l-ewwel settur li jigi ssagrifikat għall-iżvilupp huwa s-settur tal-biedja.