Il-Gvern se jħallas għar-restawr tal-kappella fil-Qrendi

Il-Gvern se jkun qed iħallas għar-restawr tal-kappella fil-Qrendi ddedikata lill-Madonna tal-Ħniena Owen Bonnici

Waqt il-ftuħ tal-wirja ta’ kwadri ex-voto fis-Santwarju tal-Madonna tal-Ħniena fil-Qrendi, il-Ministru tal-Kultura Dr Owen Bonnici ħabbar li dan is-Santwarju ser jiġi restawrat permezz tal-għajnuna tad-Direttorat tar-Restawr u Din l-Art Ħelwa.

Skont il-Ministru Bonnici, l-applikazzjoni diġà tinsab quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar, u huwa mistenni li tkun approvata sa Marzu 2019. Wara imbagħad jibda x-xogħol mid-Direttorat tar-Restawr sabiex f’perjodu ta’ sena u nofs is-Santwarju jerġa’ jilbes l-istess libsa li kellu. Is-Santwarju mistenni li jerġa’ jinfetaħ uffiċjalment fl-2020.

Il-wirja qed issir bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-400 sena anniversarju minn meta l-Qrendi sar parroċċa.

Il-Professur Monsinjur Dun Emanuel Agius spjega kif id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Ħniena ilha tintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra waqt li l-Kappillan Dun Glen Buhagiar irringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu sabiex setgħet tittellgħa s-serata, b’mod speċjali lis-sopran Marita Bezzina u l-arpista Jacob Portelli. Is-Sur Michael Buhagiar tkellem dwar l-aspett storiku tal-kwadri ex-voto li kienu jinstabu f’din il-kappella, b’mod speċjali dwar is-sittax-il kwadru li jinsabu esebiti.

Il-wirja tal-kwadri ex-voto ser tkun miftuħa kuljum sa nhar il-Ħadd 9 ta’ Settembru bejn is-5.30pm u t-8.30pm.