“Il-Gvern se jħallas għall-kura kollha tal-Pulizija Schembri” – qarib

Qarib tal-Pulizija Schembri qal f’messaġġ fuq Facebook li l-Gvern se jkun qed iħallas l-ispejjeż għat-trattamenti kollha neċessarji għall-Pulizija tat-traffiku Simon Schembri.
Simon Schembri ttajjar minn żagħżugħ ta’ 17-il sena li qed jiġi akkużat b’attentat ta’ qtil.
Il-qarib ta’ Schembri ħalla messaġġ ta’ ringrazzjament lill-Prim Ministru Joseph Muscat mingħand il-familja Schembri kollha.
Hu spjega li Muscat, waqt laqgħa privata li kellu ma’ mart il-Pulizija, Moira Schembri u membri oħra tal-familja tiegħu, assigurhom li l-kuntistabbli ma kienx se jitlef il-benefiċċji tiegħu.
Wiegħed ukoll li l-Gvern se jkun qed jara li Schembri jingħata l-kura kollha neċessarja, bl-aqwa mezzi possibbli.
Qal ukoll li l-Prim Ministru offra numru ta’ opportunitajiet għal Schembri malli jirkupra totalment.
Waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda li bdiet ilbieraħ, tabib mid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei qal li bil-mod kif tkaxkar Schembri mil-karozza il-ġilda kważi tqaxxritlu kompletament u saħansitra tilef idu.