Il-Gvern se jħabbar miżuri li jassistu familji li jikru

Il-Ministeru għall-Familja qal li fil-baġit tat-22 ta’ Ottubru li ġej, il-Gvern se jkun qed iħabbar pakkett ta’ miżuri li se jkunu qed jassistu familji speċjalment li mhumiex sidien ta’ djarhom.

Dan ħareġ fi stqarrija li kienet qed tirreaġixxi għall-istatistika li ħarġet ilbieraħ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fejn fost spunti oħrajn ħareġ li 60% tal-Maltin jgħidu li l-ispejjeż tad-dar huma piż għalihom.

Fl-istqarrija l-Ministeru spjega li rriżulta li 78% tal-familji huma sidien ta’ djarhom, u li minnhom 76% qatt ma kellhom piż ta’ dejn fuq djarhom.

Ġie spjegat li fl-2017 hemm 14,000 persuna li kienu qed jgħixu f’ċaħda materjali, numru li naqas drastikament meta l-Ministeru kkumparah mal-40,000 li kien hemm lura fl-2013.