Il-Gvern se jħabbar miżuri biex jgħin il-kummerċ Malti fil-Libja

Il-Ministeru għall-Ekonomija jinsab f’kuntatt dirett mal-Korpi Kostitwiti fosthom il-Kamra tal-Kummerċ, il-GRTU, l-MEA u l-Kamra tal-Kummerċ Libjana-Maltija.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li qed isegwi mill-qrib l-investiment u l-interessi li għandhom il-Maltin fil-Libja, hekk kif is-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż qed tmur għall-agħar.
Il-Ministeru għall-Ekonomija mistenni jħabbar miżuri li permezz tagħhom il-Gvern se jgħin il-kummerċ Malti fil-Libja.
L-istqarrija ssostni li l-għan tal-Gvern huwa li jħares l-impjiegi u n-negozju tal-Maltin.
Fil-ġranet li għaddew, il-GRTU kienet indikat li ħafna membri tagħha għandhom interessi u investimenti fil-Libja.
Il-unjin kienet indikat li l-investiment tal-Maltin fil-Libja jammonta għal madwar €70 miljun.