Il-Gvern se jġib deal tajjeb fil-qasam tal-fondi Ewropej – Farrugia

Is-segretarju parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia wiegħed li l-Gvern se jġib ‘deal’ tajjeb għal Malta bħala parti mill-qasam finanzjarju tal-UE.

Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu dwar l-estimi finanzjarji tal-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej, Dr Farrugia qal li l-fondi jiġu maħduma fuq il-Prodott Domestiku Gross.

Hu fakkar kif mill-2013 ‘il hawn l-ekonomija ta’ pajjiżna rduppjat u minn €7 biljun dak iż-żmien issa l-ekonomija ta’ Malta qed tipproduċi €14 miljun u allura l-fondi mistennija jonqsu meta mqabbla mal-ftehim tal-2013.

L-aħħar ftehim li Malta nnegozjat mal-UE kien ikopri bejn l-2014 u l-2020, u mindu l-pajjiż sar membru tal-unjoni, dejjem ngħata fondi aktar milli kkontribwixxa għall-baġit Ewropew.
Meta ntlaħaq il-ftehim fl-2013, Malta kienet ingħatat €1.12b.

Muscat għandu jkun kapaċi li jġib il-fondi Ewropej li ġab Gonzi – Robert Cutajar

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li qed jittama li l-Prim Ministru Joseph Muscat ikun kapaċi bħal predeċessur tiegħu Lawrence Gonzi u jġib fondi Ewropej daqskemm dan ġab għal perjodu ta’ seba’ snin.

Huwa qal li jittama li Muscat ikollu l-kapaċità, l-abbiltà u d-determinazzjoni ta’ Gonzi biex iġib flus li jagħmlu differenza qawwija fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda mill-Maltin.