Il-Gvern se jgħin lill-OASI b’€1.66 miljun fuq 3 snin

Michael Falzon
Photo: DOI - Clifton Fenech

Il-Gvern issiġilla ftehim soċjali mal-Fondazzjoni OASI, li tgħin u tassisti persuni bi problemi ta’ vizzji f’Għawdex.

Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali qal li se jkun qed jiffinanzja parti mill-operat ta’ din il-Fondazzjoni, bis-somma ta’ €1.66 miljun fuq perjodu ta’ tliet snin.

Dan il-finanzjament se jkopri t-terapija residenzjali u rijabilitazzjoni ta’ dawn il-persuni, ta’ għarfien soċjali u prevenzjoni, kif ukoll servizz ta’ kura fil-komunità.

Il-Ministru Michael Falzon stqarr li dan il-Ministeru se jkompli jassisti aktar NGOs u għaqdiet volontarji, anke fiż-żmien diffiċli ta’ bħalissa. Fakkar li din is-sena hemm allokati aktar minn €17-il miljun biex ikun żgurat li dawn l-għaqdiet ikollhom biżżejjed fondi biex ikomplu jagħtu l-aqwa servizz possibbli.