Il-Gvern se jgħin lill-għalliema taċ-childcare centres u skejjel privati

Read in English.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħabbar li se jkun qed jintervjeni biex jgħin aktar minn 2,000 impjegat f’childcare centres u skejjel privati. Dan wara negozjati separati mal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti u l-Assoċjazzjoni taċ-Ċentri ta’ Ħarsien tat-Tfal Matul il-Jum Privati.

Fi stqarrija l-Ministeru spjegat li bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, l-edukaturi u l-ħaddiema kollħa li jaħdmu fl-iskejjel privati se jkollhom l-impjieg tagħhom sostnut u mhumiex f’riskju li jitilfu xogħolhom. B’kollox mal-iskejjel privati hemm jaħdmu ‘l fuq minn 900 impjegat full-time u ‘l fuq minn 180 impjegat part-time. Fl-istess waqt, bis-saħħa tal-ftehim, ebda student jew studenta minn dawn l-iskejjel m’huma se jitilfu posthom mill-iskola. 

Il-Ministeru qal li l-edukaturi li jaħdmu fl-iskejjel privati se jkomplu jagħtu t-tagħlim online, bħalma qed jiġri fl-iskejjel tal-gvern u tal-knisja.

Intant, fejn jidħlu l-miżati li jitħallsu mill-ġenituri lill-iskejjel privati, il-gvern qal li dan huwa arranġament privat bejn persuni privati u skejjel privati, u allura jekk tinħass il-ħtiega minn xi waħda mill-partijiet li jsiru xi reviżjonijiet, dan irid isir b’effett ta’ taħdidiet u qbil bejniethom. Minkejja dan, id-diskussjonijiet tal-Gvern wasslu sabiex ikun hemm qbil li l-miżati kollha li jitħallsu mill-ġenituri lill-iskejjel privati jinżlu b’minimu ta’ 35% waqt li t-tagħlim jibqa’ għaddej online. Qal li kull persuna privata hija libera li tidħol f’taħdidiet ulterjuri mal-iskejjel privati jekk ikun hemm il-ħtieġa.

Il-Gvern spjega li bl-istess mod, negozjati mal-Assoċjazzjoni taċ-Ċentri ta’ Ħarsien tat-Tfal Matul il-Jum Privati wasslu biex il-ħaddiema kollha li jaħdmu f’childcare centres privati li huma fl-iskema taċ-childcare b’xejn, se jkollhom l-impjieg tagħhom sostnut. B’kollox hemm ‘l fuq minn 778impjegat full-time u269 impjegat part-time f’dawn iċ-ċentri.  

Il-gvern ħeġġeġ liċ-ċentri ta’ ħarsien tat-tfal matul il-jum biex jibqgħu jipprovdu servizzi u attivitajiet online u jżommu komunikazzjoni mal-ġenituri tat-tfal klijenti tagħhom, kif qed isir fiċ-ċentri amministrati mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi.

L-MUT tilqa’ l-ftehim tal-Ministeru għall-Edukazzjoni

Fi stqarrija, l-MUT qalet li tilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim milħuq bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Independenti (ISA) dwar l-għajnuna mill-gvern lill-iskejjel indipendenti u l-familji li wliedhom jattendu f’dawn l-iskejjel. L-MUT qalet li tirrikonoxxi l-impenn tal-Gvern favur dan is-settur u l-edukaturi fl-iskejjel indipendenti filwaqt li tfaħħar l-għaqal tal-mexxejja tal-iskejjel indipendenti rappreżentati mill-ISA matul id-diskussjonijiet li kienu impenjattivi ferm.

Ftehim wara ġimgħat ta’ negozjati – Il-Kamra tal-SMEs

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji qalet li wara ġimgħat ta’ negozjati flimkien mal-Assoċjazzjoni taċ-Ċentri ta’ Ħarsien tat-Tfal Matul il-Jum Privati (CCPA) ntlaħaq ftehim li se jsalva x-xogħol u l-pagi tal-impjegati ta’ childcare centres li jaqbżu l-1,000 carer. Il-Kamra qalet li bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, se jkun assigurat li ċ-childcare centres ikunu f’pożizzjoni li jiftħu b’mod immedjat ladarba l-pandemija tgħaddi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn