​Il-Gvern se jgħin biex jinħoloq ċekkjatur għall-Malti

Il-Gvern se jkun qed jappoġġja l-ħolqien ta’ ċekkjatur tajjeb online għal-lingwa Maltija.
Dan qalu l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo waqt l-introduzzjoni ta’ emendi għall-Att dwar l-Ilsien Malti, emendi, li fi kliemu huma maħsuba biex isaħħuh fosthom bis-sehem ta’ numru ta’ entitajiet oħra li se jkunu qed jiffurmaw parti minnu fosthom l-Akkademja tal-Malti, l-Awtorità tax-Xandir u l-Istitut tal-Ġurnalisti kif ukoll rappreżentant tal-pubblikaturi Maltin.
Bartolo qal li fil-passat kien sar sforz mill-Microsoft biex ikun hemm ċekkjatur, jew spell check, għal-lingwa Maltija. Sostna li hemm kumpannija privata li nvestiet ħafna ħin f’dan is-sens . Iddeskriva iċ-ċekkjatur bħala għodda indispensabbli, li l-gvern irid jara kif jappoġġjha għaliex wara l-investiment inizjali biex isir, ikun mantnut.
Qal ukoll li l-Gvern se jkun qed idaħħal miżuri biex ikun żviluppat kontenut elettriku bil-Malti, fosthom logħob elettroniku, kanzunetti fuq you tube kif ukoll kontenut ieħor għall-faxex ta’ età differenti.