Il-Gvern se jgħarraq l-ambjent tal-middle school ta’ Għawdex – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li fir-Rabat Għawdex il-Gvern se jagħmel biss estensjoni li tgħarraq l-ambjent tal-middle school u ġġibha ħaġa waħda mal-iskola primarja.

Fi stqarrija l-PN qal li qed jingħaqad mat-tħassib li qed turi l-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) dwar dak li se jagħmel il-Gvern fil-middle school tar-Rabat.
L-MUT kienet żvelat li l-pjanijiet li ssottomettiet il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) lill-Awtorità tal-Ippjanar mhux qed jipproponu bini ta’ skola Primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex, iżda li jestendu l-binja eżistenti tal-middle school.
Il-PN kompla jgħid li flok jibni skola ġdida kull sena b'faċilitajiet moderni l-Gvern se jnaqqas ferm iż-żona għar-rikreazzjoni tal-istudenti tal-middle school. Fi kliem il-PN, il-Gvern mhux qed jikkonsulta f'dawn il-pjanijiet tiegħu u l-għalliema, l-istudenti, u l-ġenituri qed isiru jafu mill-midja bit-tibdil propost mill-Gvern.