Il-Gvern se jdaħħal l-immigranti Malta; ilhom ġimgħat fuq il-baħar

Read in English.

Il-Gvern qal li se jdaħħal Malta dawk l-immigranti li kien qed iżomm fuq erba’ vapuri fuq il-baħar.

Fi stqarrija maħruġa ftit qabel id-9pm wara ġurnata ta’ silenzju dwar il-każ, il-Gvern qal li d-deċiżjoni ttieħdet wara li s-sitwazzjoni fuq dawn il-vapuri “saret diffiċli ħafna u qamet kommozzjoni”. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-immigranti kien ilhom 40 jum fuq il-baħar.

“Il-Gvern mhux lest li jipperikola ħajjet l-ekwipaġġ u l-persuni nkluż Maltin li qed jaħdmu ma’ dawn l-immigranti minħabba n-nuqqas t’azzjoni u solidarjetà tal-Membri Stati l-oħra sabiex dawn l-immigranti jitqassmu f’pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea,” qal il-Gvern.

“Il-Gvern Malti għadu għaddej b’negozjati intensivi għar-rilokazzjoni. B’iktar importanza l-proċess tal-applikazzjoni tal-ażil ser jiġi aċċellerat fil-każ ta’ dawk l-immigranti li ġejjin minn pajjiżi meqjusa siguri. F’dawk il-każi fejn it-talba għal ażil ma tintlaqax, dik il-persuna tiġi rritornata lejn pajjiżu wara ftit ġranet,” qal il-Gvern.

Il-Gvern kompla jgħid li kważi ħadd fl-Ewropa ma jrid lill-immigranti, minkejja l-ħafna diskors dwar solidarjetà.

Illum wieħed mill-erba’ vapuri li qed jikri l-Gvern biex iżomm fuqhom persuni li qed ifittxu l-ażil resaq viċin il-kosta Maltija u beda jdur magħha. L-awtoritajiet ma taw l-ebda spjegazzjoni dwar dan.

“Din id-deċiżjoni setgħet tittieħed ukoll għax b’kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet Maltin u Libjani, fl-aħħar ġimgħat inġabru madwar 1,500 immigrant mill-gwardja tal-kosta Libjana, li faċilment setgħu spiċċaw f’Malta,” temm jgħid il-Gvern.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-legalità u s-solidarjetà jmorru id f’id.