Il-Gvern se jbiddel is-sistema diġitali fi tliet snin

DOI - Clodagh Farrugia O'Neill

Read in English.

Il-Gvern se jkun qed ibiddel is-sistemi diġitali li bih iħaddem l-amministrazzjoni pubblika fi tliet snin.

Dan il-pjan strateġiku tħabbar waqt attività fil-Librerija Nazzjonali fil-Belt li għaliha kien hemm preżenti l-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar.

Il-Prim Ministru qal li bil-pubblikazzjoni ta’ din l-istrateġija se tkun qed tiżdied t-trasparenza u l-kontabbiltà tal-gvern stess. Huwa qal kif il-gvern kien minn tal-ewwel li ffissa leġiżlazzjoni fuq id-Distributed Ledger Technology biex dawn it-teknoloġiji jagħmlu l-ħajja aktar sempliċi. Eżempju ċar ta’ dan huwa fir-riforma tal-Liġi tal-Kera, fejn il-kuntratti tal-kirjiet se jkunu fuq tali sistema.

Huwa semma diversi eżempji kif permezz tat-teknoloġija, l-amministrazzjoni wasslet għall-effiċjenza fosthom fil-qrati, proċessi eħfef biex tiftaħ negozju, is-sistema tal-myhealth, ID Malta u anki d-diversi formoli aċċessibbli online.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li għalkemm it-teknoloġija hija l-futur tas-Servizz Pubbliku, ma rridux ninsew lil dawk li ma jafux jew ma jridux jużaw kompjuter. Spjega li kien għalhekk li nfetħu ċ-ċentri ta’ servizz.gov fil-komunitajiet f’Malta u Għawdex.

It-tema ta’ dan il-pjan, Mapping Tomorrow, ntgħażlet propju għax dak li rridu jkollna fil-futur irridu nippreparaw għalih mil-lum. Qal li l-amministrazzjoni pubblika bdiet riesqa lejn l-għan aħħari li s-servizzi jkun aċċessibbli minn kulħadd u minn kullimkien.

Once-only principle

Tul it-tnedija kien spjegat ukoll kif l-once-only principle huwa l-qofol ta’ dan il-pjan fejn il-pubbliku jagħti darba biss l-informazzjoni tiegħu lill-gvern biex b’hekk titnaqqas il-burokrazija u tiżdied l-effiċjenza. Huwa qal li l-ġbir u l-użu tad-data hija l-qofol tat-tiġdid li se jkun qed isir. Hawnhekk intqal kif l-informazzjoni se tkun miġbura b’mod sigur, l-użu tagħha jkun trasparenti u kontabbli u mħaddma etikament.

Il-Gvern fi stqarrija spjega li wara dan il-prinċipju, ikun imiss li l-amminstrazzjoni pubblika tibda tara kif l-Artificial Intelligence tista’ taqdi s-Servizz Pubbliku.