Il-Gvern se jara li l-iskejjel jinfetħu f’Settembru – Il-Ministru Bonnici

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qal li l-Gvern se jkun qiegħed jara li f’Settembru li ġej jinfetħu l-iskejjel mill-ġdid għal ġid tal-istudenti. Fil-Parlament il-Ministru Bonnici qal li l-qafas tal-ftuħ tal-istituzzjonijiet edukattivi tfassal f’April 2020 u huwa mibni fuq il-mudelli tal-Ġnus magħquda.

Huwa żied li bħalma nfetħu ċ-childcares u l-iskola sajf b’suċċess daqstant ieħor se jkunu qegħdin jinfetħu l-iskejjel f’Settembru. Il-Ministru żied li biex jinfetħu l-iskejjel hemm bżonn laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba kif sar fil-ftuħ taċ-childcare centres u skola sajf. Bonnici qal li la kollox ikun finalizzat se jkun qiegħed jiġi spjegat u ppubblikat.

3 kapijiet ta’ skola u 16-il assistent kap vakanti

Il-Ministru Owen Bonnici fil-Parlament qal li hemm tliet postijiet għall-kapijiet tal-iskejjel vakanti; tnejn fl-iskejjel sekondarji u 1 f’ċentru tar-risorsi. 

Filwaqt li sal-aħħar ta’ Ġunju kien hemm 16-il post vakant għall-assistenti kap tal-iskejjel. 4 minn dawn il-postijiet vakanti jinsabu fl-iskejjel sekondarji, 11 f’dawk primarji u 1 f’ċentru tar-risorsi.

19-il għalliem jistgħu jirtiraw fis-sena skolastika li jmiss

Matul is-sena skolastika li jmiss 19-il għalliem jistgħu jirtiraw. Minn dawn 7 għalliema huma tal-primarja filwaqt li 12-il għalliem oħra jgħallmu diversi suġġetti fosthom l-arti, PSCD u Reliġjon Malti u Drama.

Din l-informazzjoni ngħatat mill-Ministru Owen Bonnici għall-mistoqsiijiet parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli.