Il-Gvern se jagħti spinta lill-ħitan tas-sejjieħ

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja Clint Camilleri s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia ħabbru miżura li se tindirizza d-domanda biex jiġu restawrati l-ħitan tas-sejjieħ.
Fi stqarrija, Camilleri spjega li se tingħata wkoll għajnuna biex il-Kunsilli Lokali u entitajiet oħra jkunu jistgħu jimplimentaw proġetti li permezz tagħhom jitjieb l-aċċess għar-raba’ u attivitajiet oħra agrikoli.
Dawn il-miżuri huma ffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern Malti, u jaqgħu taħt il-Programm għall-Iżvilupp Rurali għal Malta 2014-2020.
Is-Segretarju Parlamentari Camilleri qal li l-għan prinċipali tal-miżura 4.3 huwa li tipprovdi għajnuna għal investimenti li jinkludu r-restawr tal-habitats u l-pajsaġġi, il-konservazzjoni tal-ħamrija u l-immaniġġjar tal-ilma.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia innota li minn din l-ewwel lot ta’ applikanti se jiġu kkuntrattati 19-il applikant li bejniethom se jirċievu madwar €900,000 sabiex jitranġaw ’il fuq minn 15,000 metru kwadru ta’ ħitan tas-sejjieħ. 
Farrugia stqarr li l-Kunsilli Lokali huma prijorità għall-Gvern, u huwa għalhekk li dawn il-Kunsill Lokali qed jingħataw dawn il-fondi għat-titjib tat-toroq rurali.
Skont iż-żewġ Segretarji Parlamentari, l-għajnuna tammonta għal €5.7miljun. Il-Kunsilli li se jibbenefikaw mill-iskema huma l-Kunsilli ta’:

  • Għajnsielem
  • Għasri
  • San Lawrenz
  • Ix-Xewkija
  • Il-Għargħur
  • Ħad-Dingli
  • Ħal Għaxaq
  • L-Iklin
  • Ħal Luqa
  • Ħal Qormi
  • Ħal Safi
  • Ħaż-Żebbuġ
  • Ir-Rabat
  • San Pawl il-Baħar
  • Santa Luċija
  • Is-Siġġiewi
  • Iż-Żurrieq