Il-Gvern se jagħti għajnuna finanzjarja lill-midja

media

Read in English.

Il-Gvern qal li se jkun qed jagħti għajnuna finanzjarja lill-midja minħabba s-sitwazzjoni li ħoloq il-coronavirus.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li llum saru numru ta’ laqgħat mal-mezzi tax-xandir “fejn matulhom ġie kkomunikat li l-Gvern se jkun qed jagħti għajnuna, inkluż finanzjarja, sabiex matul dan il-perjodu diffiċli ta’ Covid-19, mezzi tal-komunikazzjoni bħal televiżjoni, radju, gazzetti, u newsportals jibqgħu joperaw.”

Skont il-Gvern, hu qed juri l-impenn tiegħu lejn dan is-settur għax jemmen li l-mezzi tal-komunikazzjoni huma parti integrali mid-demokrazija f’Malta u għodda importanti fit-tisħiħ tal-libertà tal-espressjoni. Il-Gvern qal li l-mezzi tax-xandir għandhom dmir akbar bħalissa li jittrażmettu u jwasslu l-messaġġ tagħhom fid-djar fl-istess waqt li n-nies qed ikunu mħeġġa jibqgħu ġewwa.

Fl-istqarrija tiegħu, il-Gvern ma qalx x’tip jew kemm se tingħata għajnuna.

L-IĠM jilqa’ l-aħbar

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) qal li jilqa’ l-aħbar li l-Gvern laqa’ l-appelli li saru mill-IĠM f’ittra li intbgħatet lill-Prim Ministru Robert Abea l-ġimgħa l-oħra.

L-IĠM appella wkoll lill-Gvern biex jispeċifika fid-dettall x’tip ta’ għajnuna se tkun qed tingħata lis-settur ġurnalistiku.

“Il-ġurnaliżmu hu pilastru tad-demokrazija u għalhekk jinħtieġlu kull għajnuna aktar u aktar f’dawn iż-żminijiet diffiċli,” skont l-IĠM.

Il-Partit Nazzjonalista kien ippropona miżuri mmirati biex il-Gvern jgħin lill-midja u lill-ġurnalisti fiċ-ċirkostanzi preżenti bl-imxija tal-coronavirus fosthom fond speċifiku għall-midja u l-ġurnalisti mmexxi mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika.

Diversi entitajiet tal-midja u x-xandir lokali kienu qed jitolbu assistenza finanzjarja mill-Gvern sabiex itaffu l-piż li qed titfa’ fuqhom is-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż tal-coronavirus. Fost is-60 firmatarju ta’ talba minnhom kien hemm iċ-Chairman ta’ Newsbook.com.mt, Gege Gatt.